Wednesday, April 24, 2024

Donazzjonijiet tal-Maltin joffru possibbiltà ta’ edukazzjoni xierqa lil tfal fil-Ghana

Aqra wkoll

Il-Ghana Mission Foundation magħrufa wkoll bħala HopeXchange tagħmel ħafna xogħol b’mod volontarju sabiex nies li jgħixu f’dan il-pajjiż, ikunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar. Fl-aħħar snin inġabbru diversi fondi għal din l-NGO, bil-Maltin bħas-soltu dejjem ikunu ġenerużi bid-donazzjonijiet tagħhom. 

Fil-fatt b’dawn il-fondi, ħolma li saret realtà kien il-bini ta’ sptar Malti fil-Ghana, mgħammar bl-aqwa faċilitajiet possibbli sabiex il-pazjenti li jkunu rikoverati hemmhekk ikollhom l-aqwa kura possibbli.

L-attivitajiet ta’ volontarjat ma jonqsux u ftit tal-ġranet ilu numru ta’ persuni li xi wħud minnhom nafuhom fuq is-sett tat-televiżjoni, marru fil-Ghana biex iżuru dan l-isptar li ġie mibni mill-fondi li taw il-Maltin stess u fl-istess waqt jagħtu daqqa t’id kull fejn kien hemm bżonn.

Dawn kienu Keane Cutajar, Megan May Caruana, Kevin Paul Calleja, Daniel Umanah, Amy Borg u Victor Abela li investew il-ħin tagħhom sabiex jgħinu lil diversi nies fil-Ghana stess.

Dan is-sit tkellem ma’ Keane Cutajar dwar din l-esperjenza u kif ħassu ftit jiem wara li ġie f’pajjiżna.

Keane flimkien ma’ sħabu kienu fil-belt ta’ Kumasi fil-Ghana. Din hi belt li tinsab fir-reġjun Ashanti u hi waħda mill-ikbar bliet metropolitani li jeżistu f’dan il-pajjiż. Inċidentalment hi wkoll it-tieni l-ikbar belt fil-Ghana wara l-kapitali Accra. Il-popolazzjoni ta’ din il-belt hi ta’ iktar minn tliet miljun ruħ.

Fost l-oħrajn hemm ukoll sptar li nbena sabiex jassisti lil dawk il-morda u nies fil-bżonn ta’ kura u dan sar kollu minn fondi li l-Ghana Mission Foundation ibbażata f’Malta ġabret waqt il-maratoni li saru.

“Kelli l-privileġġ li nara nies li baqgħu ħajjin minħabba li rċevew kura speċjalizzata, tfal li rċevew l-edukazzjoni xierqa u trabi li twieldu ġo sptar diċenti b’dak kollu li kellhom bżonn.”

L-ewwel li saqsejna lil Keane kien proprju kif mar hemmhekk.

“Niftakar li kien ċempilli Fabian Demicoli sabiex isaqsini jekk nitħajjarx immur ma’ grupp ta’ Maltin fil-Ghana. Biex ngħidlek il-verita’, ftit domt naħsibha għax minn dejjem kelli x-xewqa nesperjenza eżattament il-ħajja f’dawn il-pajjiżi.”

“Fabian ftakar meta darba minnhom waqt li kont qed nippreżenta attivita’ filantropika li dehret ukoll fuq it-televixin, kont urejt ix-xewqa li nara eżatt x’ikun hemm fil-Ghana. L-opportunita ġiet u jien ħtaftha!”

Iżda kemm hi differenti l-Ghana minn pajjiżna?

“Hemm differenza totali bejn Malta u l-Ghana. Jien għoġbitni ħafna s-sempliċita’ li biha jgħixu dawn in-nies. F’Malta aħna ngergru fuq kollox; daqqa għax marilna d-dawl, oħra għax l-internet mhux qed jaħdem tajjeb u għax il-mobile mhux tajjeb jew modern u għalhekk arana nixtru ieħor u mitt elf ħaġ’oħra!”

“Hemmhekk tinsa għalkollox ‘il-fsied’ u tgħix ħajja sempliċi, fejn tagħti prijorità lill-aktar affarijiet bażiċi u fejn lil dawn in-nies li dejjem tarahom bi tbissima fuq fommhom.”

Minn dak li qasmu fuq il-midja soċjali, il-personalitajiet Maltin, li kienu l-ewwel grupp Malti li qatt żar l-isptar li nbena grazzi għall-Maltin, fil-Ghana żaru wkoll skola fejn iltaqgħu ma’ ħafna tfal li fuqhom spikkat it-tbissima sabiħa u ġenwina tagħhom.

Fil-filmat, it-tfal jidhru jifirħu bil-personalitajiet Maltin, u jiżfnu u jkantaw mal-kanzunetta klassika tagħna l-Maltin, Xemx.

Aktar kmieni s-seba’ volontarji żaru wkoll iċ-Ċentru Mediku ta’ The HopeXchange f’Kumasi. “Dan kien possibbli biss grazzi għall-flus li ngħataw mill-pubbliku Malti.”

Keane Cutajar qalilna li bħala grupp kienu qed jgħixu ġo binja ferm viċin l-isptar fil-Ghana. Kif qalilna aktar qabel, din il-binja saret bil-ġenerożita’ tal-Maltin li tul dawn l-aħħar snin taw id-donazzjonijiet tagħhom. Hu qalilna li hi xi ħaġa sabiħa li tara fejn marru dawn il-flus u kemm diversi pazjenti qed jibbenefikaw minn din il-ġenerożita’.

“L-Isptar li hemm fil-Ghana hu impressjonanti għax mgħammar b’dak kollu li hemm bżonn. Hemm apparat li hu tal-aqwa teknoloġija filwaqt li l-istaff ta’ tobba u infermiera huma kif jgħidu taz-zokkor.”

Keane qalilna li meta kien fil-Ghana xtaq ikellem lill-professjonisti t’hemmhekk bi problema fil-cruciate ta’ siequ li kienet ilha mhux ħażin fuqu. Fil-fatt hu kien jilgħab il-futbol bħala gowlkiper ma’ Sliema Wanderers fost l-oħrajn u darba minnhom weġġa’ f’saqajh. Hu qalilna li xtaq jara jekk isolvix il-problema proprju hemmhekk. Fil-fatt tul il-vjaġġ li għamel, il-ħin li mexa u l-perjodu kemm dam bilwieqfa intefħitlu xi ftit siequ.

“Biex ngħidlek is-sew, ħassejtni komdu hemmhekk f’dak l-isptar tant li jien kellimt lill-konsulent li min-naħa tiegħu qalli li kien se jagħmilli intervent żgħir speċjalment sabiex ineħħili l-ilma li nġema’ f’sieqi. Ħassejtni tajjeb ħafna hemmhekk u anke trattawni tajjeb ħafna. Anke d-dipartiment tal-ortopedija tawni dak kollu li kelli bżonn.”

Keane Cutajar tenna li tgħallem ħafna kemm hi sabiħa l-ħajja u kemm trid tapprezzaha mingħajr ma teħel fuq affarijet materjali. Bla dubju li l-isbaħ affarijiet huma s-saħħa, l-edukazzjoni, il-familja u li jkollok ir-rispett mingħand in-nies għal qalbek.

Meta saqsejnih jekk jerġax jirrepeti din l-avventura, Cutajar ma qagħadx jaħsibha darbtejn u qalilna li bla dubju li jixtieq jerġa’ jesperjenza dan kollu għax wara li ġie lura minn hemmhekk ħass ċerta kalma u li l-ħajja qed jaraha b’lenti differenti. 

Keane ħeġġeġ aktar żgħażagħ sabiex iħallu kollox warajhom u jmorru jesperjenzaw il-volontarjat ma’ nies li għandhom bżonnijiet diversi. Il-ferħ u s-sodisfazzjon li tħoss huma kbar u jiżboq ferm kull ħaġa materjali li teżisti.

“B’għajnejja stess rajt x’differenza kbira nistgħu nagħmlu aħna bid-donazzjoni żgħira kemm hi żgħira li nagħtu. Din id-donazzjoni kapaċi ssalva l-ħajjiet ta’ dak li jkun, iżomm familji flimkien u tagħti edukazzjoni xierqa lit-tfal tal-Ghana.”

“Nista’ naċċertakom li kull donazzjoni li aħna l-Maltin nagħtu tkun ta’ użu kbir għalihom. Għalhekk inħeġġiġkom sabiex tkomplu tagħtu dik id-donazzjoni żgħira mill-qalb u tkun qed tagħti l-kontribut tiegħek sabiex ngħinu lil dawk fil-bżonn.”

Sport