Friday, November 8, 2024

“Dopamine” – l-album il-ġdid tal-kantanta Lyndsay Pace li se jitnieda daqt

Aqra wkoll

Lyndsay Pace hi kantanta Maltija li m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni. Hi twieldet fit-12 ta’ Marzu 1990. Lyndsay minn dejjem kellha mħabba kbira lejn il-mużika sa minn meta kienet għadha żgħira. Hi tgħid li kollox ġie b’mod naturali u kienet tkun fis-seba’ sema meta kienet titla’ fuq il-palk sabiex tkanta jew tirreċta. Dan kollu għenha sabiex tegħleb il-mistħija li xi kultant kien ikollha f’ċerti okkażjonijiet.  

Pace hi kantanta stabbilita li dejjem ħasbet sabiex itella’ l-livell tagħha. Hi qed tħejji sabiex tniedi l-album il-ġdid tagħha Dopamine aktar tard dan ix-xahar, avveniment li qed tistennih mhux ftit.

Dan il-ġurnal tkellem mal-kantanta Maltija li dehret ferm eċitata għal din l-avventura ġdida tagħha u għal dak li ġej fil-futur.

“Qed naħdmu qatigħ sabiex inniedu l-album il-ġdid tiegħi li inċidentalment se jkun l-ewwel wieħed tiegħi. Se jkolli diversi siltiet differenti minn dawk li nkanta s-soltu għax ridt inkun xi ftit varjat fl-istil mużikali tiegħi.”

“Irrid ngħid li ili ħafna nippjana sabiex noħroġ dan l-album. Kelli nagħmel numru ta’ posponimenti minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha.”
“Kelli ħafna provi sabiex wasalt biex nirrekordja dawn is-siltiet f’Malta stess għalkemm bgħatna xi materjal ukoll barra minn xtutna.”

Lyndsay tgħidilna li flimkien mat-tim tagħha bdew jagħmlu eżerċizzju sabiex joħorġu b’diversi ideat bit-tama li l-album verament ikun suċċess apparti li jkun hemm diversi kopji li jinxtraw. L-iktar ħaġa li hi għal qalbha l-kantanta Maltija hi proprju l-varjetà differenti ta’ stili mużikali miġbura f’post wieħed. 

Hi tgħid li dan l-album li tant ħadmet għalih, għenha ħafna sabiex timmatura bħala kantanta u issa lesta għall-pass li jmiss. 

“Ħadt ħsieb li f’dan l-album ninkludi kull dettall possibbli apparti li se tisimgħu siltiet li ħafna minnhom huma ferm differenti mis-soltu.”

“Meta qed ngħid li dan l-album għeni nimmatura, qed nitkellem dwar kemm ħadtu bis-serjeta’ għax ridt li l-ewwel wieħed tiegħi jibqa’ mmarkat bl-aqwa mod possibbli.”

Lyndsay Pace tiftakar iż-żmien meta kienet taħdem ma’ Where’s Everybody u meta kienet tkanta fi programmi televiżivi li għenuha ferm sabiex laħqet il-livelli li tinsab fihom illum il-ġurnata.

It-talenti tagħha ġew rikonoxxuti proprju meta bdiet turi interess qawwi fit-teatru, iż-żfin u l-kant fejn dan tal-aħħar minn sempliċi passatemp, dan sar parti mill-karriera tagħha. Fil-fatt Lyndsay ħadet taħriġ tajjeb fir-Renju Unit li għenha sabiex ittejjeb il-livell ta’ kant tagħha. 

“Id-dinja tal-mużika għenitni sabiex inkun iktar kunfidenti u persuna aktar b’saħħitha mhux biss fuq livell personali iżda wkoll fuq il-palk. Illum il-ġurnata rrid inkun lesta li naċċetta diversi opinjonijiet mis-segwaċi tiegħi filwaqt li nibni fuq il-kritika kostruttiva li jkolli.”

Saqsejna lil Lyndsay dwar kemm il-kantanti u l-mużiċisti Maltin huma apprezzati mill-pubbliku inġenerali.

“Nibda biex ngħid li Malta bħala pajjiż hu ferm limitat u għalkemm l-opportunitajiet qegħdin jiżdiedu, xorta fadal xi jsir.”

“Mill-banda l-oħra, jien nara wkoll li l-kantanti Maltin jibqgħu xi ftit lura f’ċerti affarijiet forsi minħabba n-nuqqas ta’ kunfidenza li għandhom. Min-naħa l-oħra, il-barranin jieħdu l-inizjattiva u dan jgħin sabiex jaslu għall-popolarita’ li jixtiequ.”

“Nixtieq li naslu f’punt fejn kantant jew mużiċista jkun jista’ jwettaq dan ix-xogħol fuq bażi full-time.”

Insaqsu lil Lyndsay Pace dwar kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol proprju tagħha u l-kant.

“Din hi mistoqsija tajba ħafna. Jien involuta f’ħafna affarijiet, inħobb inżomm ruħi okkupata u fl-istess ħin norganizza ħini bl-aħjar mod possibbli.Veru li għandu ħajja mgħaġġla speċjalment meta jkun imissni nagħmel xi gigs iżda hu l-gost u l-pjaċir tiegħi nferraħ in-nies.”

“Kull fejn immur u nara lin-nies inkantaw għall-mużika tiegħi, inħoss sens ta’ sodisfazzjon kbir. Hi xi ħaġa sabiħa li kull kantant iħoss. Mingħajr ma trid, iktar tidħol fl-atmosfera u anke int tispiċċa tagħti l-mija fil-mija tiegħek.”

“Mill-banda l-oħra, nara li l-ewwel inlesti dawk l-affarijiet li jkunu urġenti u għalhekk nagħti ċerti prijoritajiet. B’xi mod dejjem inlaħħaq b’dan il-metodu.”

Lyndsay qalet li minkejja li kellha diversi opportunitajiet li taħdem barra minn Malta, sostniet li hawnhekk għandha l-familja u għalhekk ma tkunx daqshekk faċli. Fl-istess waqt ftakret fis-sitt ġimgħat li qattgħet fl-Ingilterra tistudja l-vuċi u tipprova ttejjeb il-livell tagħha. Hi kellha ċ-ċans tagħmel ukoll xi korsijiet fil-Polonja u l-Ġermanja, esperjenzi li tibqa’ tgħożżhom tul ħajjitha kollha.

Lyndsay mhux l-ewwel darba li ħadet sehem f’xi festival lokali. Riċentement hi ħadet sehem fit-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika flimkien ma’ DJ Mykill bid-diska Dak Kien Żmien b’mużika ta’ Michael Cini u Matthew Attard. 

“Irrid ngħid li ħadt gost inkanta bil-Malti anke għax ħafna mill-kanzunetti tiegħi huma miktuba u kantanti bil-lingwa Ingliża. Il-festival Mużika Mużika u dak stabbilit l-Għanja tal-Poplu jagħtu ċ-ċans sabiex il-lingwa Maltija tkun promossa wkoll.”

Saqsejna lil Lyndsay jekk għandhiex ħsieb terġa’ tieħu sehem fil-Malta Eurovision Song Contest. Hi ma qaltilniex le għalkemm għalissa qed tħares lejn il-futur mhux daqshekk ‘il bogħod iġifieri ftit tal-jiem oħra meta toħroġ l-album Dopamine.

Iżda x’se jkun il-futur ta’ Lyndsay Pace?

“Bħalissa qed naħdem qatigħ sabiex l-album li se noħroġ ikun suċċess. Madankollu hemm proġetti oħra li għalissa għadhom ħolma iżda li se nagħmel minn kollox sabiex isiru realtà. Li hu żgur hu li mingħajr mużika ma ngħix u għalhekk żgur se nibqa’ involuta fix-xena mużikali għas-snin li ġejjin.”

Tlabnieha aktar informazzjoni dwar din it-tnedija.

“Dan kollu se jseħħ nhar it-Tlieta 20 ta’ Settembru f’Ivy House Malta f’Pembroke. Se tkun it-tnedija tal-album tiegħi b’kunċert unplugged mit-8.30pm ‘il quddiem. Se jkun hemm ukoll numru limitat ta’ kopji ta’ dan l-album li se jkunu qed jinbiegħu. Inħeġġeġ lil kull min għandu għal qalbu l-mużika sabiex jattendi.”

Finalment tlabna lil Lyndsay sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-kant u l-mużika. 

“Dejjem ngħid lil dak li jkun sabiex qatt ma jaqta’ qalbu. Jekk ikollok ħolma kun ċert li tista’ twettaqha għax kollox jibda minn hemm. Emmen fik innifsek u fuq kollox emmen fil-ħolm tiegħek.”

Sport