Real Madrid kisbu t-tielet rebħa tal-istaġun wara li għelbu lil Espanyol iżda huma kellhom jitħabtu u kellha tkun doppjetta ta’ Karim Benzema lejn it-tmiem biex kisbu t-tliet punti.
Wara bidu qawwi mill-Madrileni, Vinicius fetaħ l-iskor wara 12-il minuta. Iżda żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Espanyol kisbu d-draw minn Joselu.
Fit-tieni taqsima, iż-żewġ timijiet ħarġu jfittxu r-rebħa fejn ippreżentaw spettaklu ta’ football. U meta kollox deher li l-partita kienet se tintemm fi draw, fit-88 minuta,Karim Benzema poġġa lil Real fil-vantaġġ wara li rċieva mingħand Rodrygo.
Il-partita kellha aktar drama meta l-goalkeeper ta’ Espanyol, Benjamin Lecomte, intwera l-karta l-ħamra wara li kkommetta foul fuq Dani Ceballos.
Fl-94 minuta, Benzema ssiġilla r-rebħa minn freekick meta għeleb lill-player Leandro Cabrera li kellu jidħol bejn il-lasti wara li tkeċċa Lecomte wara li Espanyol ma setgħux jagħmlu użu minn goalkeeper ieħor minħabba li ġew effettwati s-sostituzzjonijiet kollha.