Friday, April 19, 2024

“Double standards tal-PN” – L-MPE Miriam

Aqra wkoll

Għal darb’oħra din il-ġimgħa ħarġet bl-aktar mod ċar l-ipokrezija tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalista. F’riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tikkundanna l-korruzzjoni fil-Bulgarija, il-vjolenza kontra c-cittadini, l-attitudni lejn il-gurnalisti u l-hate speech, il-Membri Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista iddefendew lill-Bulgarija.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola innifisha u waħedha f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, ippreżentat emendi biex iddgħajjef il-lingwaġġ tal-Parlament Ewropew dwar dak li qiegħed jiġri fil-Bulgarija, l-aktar pajjiż korrott fl-Unjoni Ewropew skont l-indiċi ta’ Transparency International.  L-emendi li ressqet Metsola kienu maħsuba biex idawru l-kritika fi kliem t’appoġġ u tifħir lejn il-gvern tal-Bulgarija.

Dawn l-emendi ma għaddewx mill-Parlament Ewropew li huwa mħasseb dwar dak li għaddej fil-Bulgarija. Roberta Metsola u David Casa, li fejn tidħol Malta jpennġu lilhom infushom bħala l-akbar difensuri tad-demokrazija, is-saltna tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, urew li dak li japplika għal Malta ma japplikax għal pajjiżi oħra li jagħmlu parti ill-familja politika tagħhom u vvutaw biex jiddefendu lill-Bulgarija. 

Dawn m’huma xejn ħlief double standards u ipokrezija. Dak li għamlet Roberta Metsola ġie nnutat minn ġurnali Ewropej tant li l-Euractiv irraporta kif il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, u primarjament Roberta Metsola, għamlet “sforzi kbar” biex tbiddel riżoluzzjoni dwar il-Bulgarija, billi tuża kliem ta’ tifħir fil-konfront tal-gvern Bulgaru. Isemmi kif, “l-emendi distruttivi kollha introdotti minn Roberta Metsola (Malta) tal-PPE ġew irrifjutati mill-Parlament Ewropew”.

Fil-Parlament Ewropew, numru ta’ kollegi minn Gruppi u pajjiżi differenti esprimew is-sorpriża tagħhom għal kif mxew Metsola u Casa li dejjem ikunu minn ta’ quddiem biex jikkritikaw lil Malta taħt l-iskuza li jemmnu fid-demokrazija. 

Fuq nota differenti, tajjeb li nirrimarka li din il-plenarja kienet waħda ta’ suċċess, għalijja u għall-Grupp tagħna tas-Soċjal Demokratiċi. Bil-ħidma tagħna rnexxilna niksbu l-appoġġ tal-maġġoranza fil-Parlament Ewropew biex il-mira għat-tnaqqis fl-emissjonijiet sas-sena 2030 tkun ta’ 60%. 
Għal darb’oħra, il-pożizzjoni dgħajfa u konservattiva tal-PPE ġiet megħluba, bl-istess mod li ġiet megħluba l-pożizzjoni tal-PPE dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Fuq dan il-punt, filwaqt li aħna bħala Socjal Demokratiċi ħdimna biex żgħażagħ li jagħmlu traineeships ikunu mħallsa, il-PPE ma riedx li traineeships bla ħlas ma jibqgħux jeżistu.

Sport