Il-kunflitt fl-Ukrajna u l-attakki minn Iżrael fuq Gaża, liema attakki hu stmat li ħallew xejn inqas minn 60,000 persuna maqtulin, urew ħaġa waħda b’mod ċar ħafna. Id-‘double standards’ ta’ l-Unjoni Ewropea. Unjoni Ewropea suppost ibbażata fuq il-prinċipju tal-paċi u s-solidarjetà imma dawk li jmexxuha llum, għażlu li jeħduha f’direzzjoni li tibda tarma lilha nfisha bl-armi. Ħaduha fi triq li uriet ‘double standards’ ċarissimi.
F’każ imxiet mod u f’każ ieħor użat kejl differenti. Rajna kif imxiet fir-rigward tal-kunflitt Ukren u l-aggressjoni Russa fl-invażjoni ta’ dan il-pajjiż, fejn daħlet f’ruħha u ġisimha u anke ipprovdiet għajnuna finanzjaria u armamenti mill-pajjiżi membri tagħha. Fil-każ tal-attakki u l-aggressjoni fuq Gaża rajna indifferenza mill-Unjoni Ewropea. Baqgħu gallarija.
Jaraw massakru wieħed wara l-ieħor u jibqgħu sikta. Skiet li ddomina għal xhur sħaħ. Rajna sanzjonijiet kontra l-aggressjoni Russa, iżda xejn minn dan fil-konfront tal-aggressoni ta’ Iżrael. Għaliex tagħżel li timxi mod ma’ aggressjoni u mod ieħor ma’ aggressjoni oħra? Ir-risposta ninsabu ċerti li tafuha.
U issa proprju fl-aħħar jiem kellna l-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez li rrimarka dan. Bla tlaqlieq ngħidu li rrimarka tard ħafna. Intilfu wisq ħajjiet għal xejn. Ġiet esperjenzata wisq tbatija li setgħet ġiet evitata. Inħolqot ġerħa li jrid jgħaddi ħafna żmien biex tfieq.
Imma issa l-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, jgħidilna li ‘d-double standards’ tal-Unjoni Ewropea dwar Gaża u l-Ukrajna qegħdin jheddu l-kredibilità tad-dinja tal-Punent. Iddeskriva r-rispons tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk ir-rispons tal-pajjiżi kollha tagħha, bħala wieħed mill-episodji l-aktar suwed fejn jidħlu ir-relazzjonijiet internazzjonali tas-seklu 21.
Irridu nirrimarkaw li Sanchez kien l-ewwel mexxej Ewropew li akkuża lil Iżrael b’ġenoċidju f’Gaża. Hu rrimarka li jinsab sodisfatt li pajjiżi oħra Ewropej segwew lil Spanja u ddikjaraw li se jirrikonoxxu l-Istat Palestijan. Ma naqasx imma li jirrimarka li r-rispons tal-Unjoni Ewropea għal din il-kriżi kien wieħed fqir immens.
Il-Prim MInistru Spanjol jiddeskrivi l-mod kif imxiet l-Unjoni Ewropea fil-konfront ta’ Iżrael bħala falliment. Jisħaq li l-għeruq ta’ dawn il-kunflitti huma differenti imma jirrimarka li d-dinja qiegħed tħares lejn l-Unjoni Ewropea u qiegħda tistaqsi għaliex dawn id-‘double standards’.
Irridu ngħiduha b’mod ċar li bid-dikjarazzjonijiet u intervisti biss mhux se jintemm il-kunflitt f’Gaża. Bil-kliem biss mhux se jitwaqqfu l-attakki mdemmija minn Iżrael. Bil-kliem biss mhux se titwaqqaf din il-kriżi umanitarja, li sa l-aħħar jiem rajniha tkompli għaddejja u toħloq vittmi ġodda fosthom tfal u ġurnalisti. Bil-kliem biss mhux se titwaqqaf it-tbatija umana li għaddejja f’Gaża.
Bil-kliem biss mhux se jitwaqqfu l-imwiet. Dawn jitwaqqfu biss bl-azzjoni. Billi jittieħdu azzjonijiet. Meta qegħdin ngħidu azzjonijiet qegħdin nifhmu azzjonijiet diretti u sanzjonijiet dinjin. Inutli jkollna pajjiżi li joħorġu stqarrijiet bil-kitba jew jiddikjaraw nuqqas ta’ qbil imma imbagħad jieqfu hemm.
Qegħdin nibqgħu naraw l-armi jaslu għandu Iżrael. Jibqgħu jinbiegħu l-armi. Jibqgħu jintużaw portijiet Ewropej biex jitwasslu dawn l-istess armi. U għalhekk, wieħed jammira d-deċiżjoni li ħadu l-ħaddiema tal-port f’Genova, li ddikjaraw li jekk flotta ta’ bastimenti titwaqqaf milli tasal f’Gaża kienu se jwaqqfu l-merkanzija lejn Iżrael. Azzjoni diretta minn grupp ta’ ħaddiema immexxija mill-union tagħhom.
Minkejja li saru dikjarazzjonijiet, f’liema dikjrazzjonijiet ħafna drabi ma ssib l-ebda kundanna ċara u diretta għal Iżrael u l-attakki li qiegħed iwettaq, l-azzjoni mill-Istati Ewropej u minn Stati oħra madwar id-dinja kienet nieqsa ħafna. Din tgħodd ukoll għall-iStati Għarab u Musulmani.
Waqt li l-Unjoni Ewropea u ħafna stati oħra jibqgħu indifferenti u ma jieħdu ebda azzjoni kontra Iżrael, ċittadini fl-istess pajjiżi qegħdin jagħmlu protesti kontinwi. Qegħdin jikkundannaw dak li qiegħed iseħħ. Qegħdin jitolbu responsabbilità għad-delitti imwettqin minn Iżrael. L-istess ċittadini qegħdin jasserixxu li l-gvernijiet tagħhom jistgħu jkunu kompliċi fil-kriżi umana f’Gaża u għalhekk qegħdin jiddikjaraw ‘mhux f’isimna’.
Nemmnu u nerġgħu ngħiduha għal darba oħra, li d-dinja ma tistax tibqa’ spettatur. Ma tistax tibqa’ tara din il-kriżi umana u tibqa’ indifferenti bla azzjoni. X’qed iżomm milli jkun hemm jkun hemm embargo globali fuq l-armi u l-kummerċ ma’ Iżrael.
Fuq kollox, x’qed iżomm lill-Unjoni Ewropea milli tieħu azzjonijiet. Rajniha tieħu azzjonijiet b’mod immedjat fil-kunflitt Ukren, iżda ebda pass, ebda azzjoni kontra Iżrael għal dak li twettaq u qed jitwettaq f’Gaża.
Agħar minn hekk ma’ ninsewx li l-Unjoni Ewropea għandha Ftehim t’Assoċjazzjoni ma’ Iżrael. Ftehim li kienu diversi l-ilħna li talbu li jiġi sospiż fil-kuntest tal-ksur kontinwu tad-drittijiet umani mill-Iżrael. L-argumentazzjoni li dejjem saret kienet li l-okkupazzjoni tal-Iżrael, li ilha sejra għal għexieren ta’ snin, u l-politika tal-apartheid fil-Palestina huma ksur ċar tal-liġi internazzjonali. Kemm in-Nazzjonijiet Uniti, kemm l-Amnesty International u anke Human Rights Watch iddokumentaw ksur tad-drittijiet umani fit-Territorji Palestinjani. Minkejja klawsola ċara fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni ma’ Iżrael li tippermetti lill-Unjoni Ewropea tissospendi jew twaqqaf il-Ftehim minħabba dawn il-vjolazzjonijiet, dan ma seħħx. Il-mistoqsija hi ċara. Meta se twaqqfu dawn id-‘double standards’? Meta se taraw li tittieħed azzjoni bis-serjetà?
Din in-nuqqas ta’ azzjoni, m’hemmx dubju li qiegħda tkompli twassal biex il-kriżi umanitarja tkompli għaddejja. In-nuqqas ta’ azzjoni diretta, liema azzjoni diretta tista’ twassal biex titfa’ pressjoni, qiegħda tkompli issaħħaħ idejn Iżrael biex ikompli għaddej bil-kampanja tiegħu. Kampanja li l-ewwel rajniha b’attakki mill-ajru, wara bl-invażjoni f’Gaża, kompliet b’attakki qawwija li litteralment kinsu żoni sħaħ f’Gaża. Nemmnu li n-nuqqas ta’ azzjoni diretta flimkien mas-skiet li qed jirrenja, qegħdin ikomplu joħolqu tbatijiet kbar għall-poplu Palestinjan.
Globalment ukoll ħafna jagħżlu li jibqgħu spettaturi. Kultant jitkellmu imma jdawwru wiċċhom banda oħra dak il-ħin stess. Nemmnu li l-indifferenza lejn dan il-kunflitt ma tfisser xejn għajr it-tkomplija tal-kriżi umanitarja. Indifferenza li tkompli tagħti aktar saħħa lil Iżrael biex ikompli jiknes Gaża. Ikompli bil-pjan ta’ tindif etniku tiegħu. Tkompli it-tbatija u l-imwiet ta’ l-innoċenti.