Minn Cristian Muscat
Kif għażilt li tispeċjalizza fil-psikoloġija tal-isport u mhux f’xi qasam ieħor tal-psikoloġija? Ma taħsibx li kieku kont taqla’ iktar flus?
Il-psikoloġija dejjem kienet għal qalbi kemm għalija nnifsi permezz ta’ passjoni kbira ta’ kif jaħdem il-moħħ kif ukoll mill-kumplimenti li kont naqla’ mingħand nies li bi ftit kliem u ħin li noffrilhom ngħinhom b’suċċess.
Apparti hekk l-isport dejjem kien għal qalbi però peress li meta kont iżgħar kont kemmxejn mibruma u kont niġi ‘bullied’ fuqha ma kontx nikkompeti fl-ebda sport. Kulma kont nagħmel huwa xi naqra sport għall-gost. Imbagħad, meta kelli 13/14 sena bdejt nagħmel naqra eżercizzji bl-użu ta’ ‘weight training’ u minn ta’ 17-il sena bdejt nieħu ħsieb sew id-dieta tiegħi u ġibt kunfidenza biex nibda niffoka fuq l-isport. Minn hemmhekk, qatt ma waqaft nagħmel l-eżerċizzji regolari kif ukoll nieħu ħsieb id-dieta tiegħi, tant li waqt l-ewwel degree tiegħi (B.A. Psychology & Theatre Studies) ġibt Level 2 + 3 Fitness Instructing u Ċertifikat fid-Dieta u n-Nutrizzjoni.
Sakemm, kont Malta għamilt madwar tliet snin ngħallem klassijiet ta’ Group Fitness Instructing mal-Health Promotion waqt li għamilt ukoll tliet staġuni man-nazzjonal tal-Futsal u mal-Hibernians Futsal b’suċċess u sodisfazzjon kbir.
Dawn l-esperjenzi kollha għenuni biex inkompli fuq din il-linja. Huwa veru li l-linja ta’ psikologa fl-isport għadha linja li qed tikber bilmod il-mod allura għadu mhux kulħadd jaċċetta l-fatt li hija settur li wieħed għandu jinvesti l-flus fiha bħala impjieg full-time però nemmen li bil-mod kulħadd qed jirrealizza li l-psikoloġija fl-isport hija importanti daqskemm l-fiżjoterapija, nutrizzjoni, u strength and conditioning fost oħrajn. Apparti minnhekk, qatt ma kont persuna li nħares lejn flus bħala l-motivatur prinċipali tiegħi u dan jista’ jintwera mill-ammonti ta’ snin twal li għamilt naħdem b’mod volontarju. L-għan prinċipali tiegħi dejjem kien li ngħin nara l-persuna/i li għandi quddiemi jħossuhom aħjar u permezz ta’ ftit għajnuna jgħarrfu bl-abilitajiet moħbija tagħhom biex ikunu kapaċi jilħqu dak kollu li jixtiequ.
Int kont tipprattika wkoll il-crossfit u issa mxejt ukoll ghall-isport tal-Bodybuilding Naturali (jiġifieri mingħajr l-użu ta’ sustanzi illegali). Agħtina iktar dettalji.
Iva, kont. Il-Crossfit huwa sport li jinvolvi tipi differenti ta’ sport bħall-ġinnastika u l-weightlifting, però b’intensità aktar qawwija. Kont nikkompeti fih ġewwa l-Ingilterra. Minn dejjem kont inħobb ħafna l-isport. Qablu kont nipprattika Thai Boxing, Strongman, trejning ġo gyms, dynamic yoga kif ukoll bħalma semmejt qabel kont ngħallem ‘group fitness classes’ f’forma ta’ ‘circuit training’. Issa peress li kelli hafna kumplikazzjonijiet medikali kelli nieqaf peró bqajt inkun fiżikament attiva għax naf kemm l-attivitá fiżika hija ta’ benefiċċju kbir għal ħajjitna. Issa li qed ikun hemm naqra iktar stabbilitá f’saħħti, sibt il-kuraġġ li nerġa’ nidħol fi sport ieħor iktar addattat għall-kundizzjoni ta’ saħħti li huwa l-Bodybuilding Naturali. F’dan l-isport diġá mort nirrapreżenta lil Malta, kemm fl-Ingilterra kif ukoll fl-Italja. Fejn ukoll għandi xewqat li narah jigi introdott f’Malta biex ikun hemm alternattiva għal min jixtieq jagħmel dan l-isport b’mod naturali. Huwa sport iebes immens u jirrikjedi dixxiplina kbira speċjalment fejn tidħol in-nutrizzjoni. Il-passjoni lejn dan l-isport kibret għax skoprejt kif il-ġisem jista’ jiġi skultura ta’ arti. Permezz t’hekk stajt ngħaqqad l-imħabba tiegħi bejn performing arts u sport. L-għan aħħari tiegħi hu li dejjem nibqa’ navvanza fuq li kont billi niffoka fuq li nirranġa d-djufijja tiegħi kemm fizikament u mentalment.
Kif tqis li l-isport jgħin fl-iżvilupp ħolistiku tal-bniedem?
L-isport minnu nnifsu huwa forma ta’ kif wieħed jista’ jiżvoga kif ukoll jirrilassa. Huwa mod kif tista’ pożittivament taffettwa lill-bniedem bioloġikament (ormoni), psikoloġikament (tħossok aħjar bħala konċentrazzjoni, kunfidenza u ‘well-being’ inġenerali), fiżikament (iktar b’saħħtek u fuq tiegħek), soċjalment (issir taf iktar nies) u f’setturi oħra importanti. Dan jiġri għax, bħalma semmejt qabel, meta wieħed jagħmel l-isport hu jkun qed juża kemm il-moħħ, kif ukoll il-ġisem, fejn dawn iridu jaħdmu f’unità biex iwasslu għall-wirja li wieħed jixtieq. Huwa vera li tista’ tkun diffiċli li tiddedika ħafna ħin biex wieħed jipprattika l-isport fuq bażi regolari (speċjalment dawk l-atleti li huma rikreazzjonali fl-isport tagħhom), però din tkun diffiċli biss għall-bidu, għax meta wieħed jidra dik it-tip ta’ ħajja, ma jkunx irid imur lura għax jibda jara l-benefiċċji tant prezzjużi.
Rigward l-irwol ta’ psikologu tal-isport, taħseb li t-timijiet Maltin mhumiex qegħdin jemmnu biżżejjed f’dan il-qasam fl-isport illum?
Il-psikoloġija fl-isport ilha teżisti, però m’iliex biżżejjed li tkun stabbli f’kull sport bħal meta ssemmi fiżjo-terapija jew nutrizzjoni. Għalkemm qed ngħid hekk, però f’dawn l-aħħar snin kien hemm avvanzi enormi fejn jidħol psikoloġija fl-isport. Tinnota dan meta tibda tara ħafna iktar postijiet vakanti fis-settur. Għalissa, il-vacancies qed jiżdiedu ħafna fl-Amerika, l-Awstralja, il-Kanada, u l-Ingilterra, però ghall-ewwel darba f’Malta għandna skola tal-isport, il-Mediterranean College of Sport, fejn jien għandi impjieg full-time bħala Head of Personal Development and Psychology, naħdem mal-istudenti-atleti, l-kowċis, ġenituri, u kull min ikun hemm bżonn biex nipprovdu l-wellbeing ħolistiku li huwa meħtieg għal suċċess sostenibbli. Apparti hekk involuta wkoll mal-Kumitat Olimpiku Malti, mal-Malta Football Association, Universitá ta’ Malta, MCAST u Performing Artists bħall-kantanti, żeffiena u atturi. Finalment, involuta wkoll f’Youth Advisory Forum Nazzjonali u Internazzjonali biex bl-esperjenza u għarfien tiegħi, inkun nista’ ngħin lil Malta u lil hinn. Dan huwa eżempju ċar ta’ kemm hu bżonnjuz dan is-settur u kemm id-domanda qiegħda tiżdied.
X’taħseb li jwassal biex sportiv jagħmel użu minn sustanzi pprojbiti biex jirnexxi fid-dixxiplina sportiva partikolari li jkun jipprattika flok jikseb suċċess bil-ħila personali tiegħu?
Bħala persuna li għamilt il-kors ta’ UK Anti-Doping Advisor, atleta naturali, kif ukoll involuta fl-integrita tal-isport mal-Awtoritá tal-Integritá tal-Isport f’Malta (AIMS), inħossni li infurmajt ruħi ħafna iktar f’dan il-qasam. Għalkemm l-AIMS qed jaħdmu ħafna, nemmen li għalissa għad hemm ħafna nuqqas ta’ edukazzjoni li jiġu mwassla lill-atleti fuq dan is-settur. Apparti minn hekk, b’kull sena li tgħaddi l-atleti dejjem qegħdin jitjiebu allura jaf ċerti atleti jfittxu rotta iktar veloċi kif jistgħu jlaħħqu mal-livelli eċċezzjonali li ċerti atleti jilħqu, għalkemm din m’hijiex rotta ideali. Irridu nżommu wkoll f’moħħna li dawn l-għażliet ma jiġux dejjem minn atleti imma jistgħu wkoll ikunu qegħdin jiġu nfluenzati minn kowċis li jistennew aktar mill-atleta, pressjoni mill-atleti l-oħra li jkunu qegħdin jikkompetu fl-istess tim, kif ukoll l-isponsors.
Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaspiraw li jagħmlu karriera professjonali bħala psikologu li jispeċjalizza fl-isport.
Is-settur tal-psikoloġija huwa importanti mmens fl-isport. Iktar kemm ikollna nies li jinvestu ħinhom jistudjaw fuq dan is-settur iktar jista’ jkollna atleti li qegħdin jieħdu kull tip ta’ għajnuna bżonnjuża biex jaslu għall-għanijiet li jkunu qed jimmiraw għalih. Kif nistgħu naraw fl-Ingilterra u ħafna pajjiiżi oħrajn, il-psikologi fl-isport huma bżonnjużi daqs fiżjo-terapisti, konsulenti fin-nutrizzjoni, tobba u oħrajn biex l-atleti jkollhom karriera ta’ suċċess. Huwa vera li għalissa għad m’hemmx korsijiet ta’ livell għoli ġo Malta f’dan is-settur, allura tkun kemmxejn diffiċli li wieħed jagħmel il-pass li jmur jistudja barra. Però, jeżistu korsijiet li tista tistudja b’distance learning li naf li ħafna studenti Maltin qed jagħżlu. Infatti qed noffri ħafna opportunitajiet ta’ job shadowing lil dawn l-istudenti biex inkun nista’ nagħtihom pjattaforma u idea ta’ x’jikkonsisti dan ix-xogħol u fejn jista’ jwasslek. Apparti hekk, għalkemm kelli ħafna esperjenzi diffiċli ta’ trawmi sakemm qed ngħix barra minn Malta waħdi, nista’ nikkonferma li kieku kelli mmur lura fiż-żmien, ma naħsibhiex darbtejn li nerġa’ mmur barra nistudja u nagħżel il-linja li għażilt!