Hekk kif il-Parlament qed jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta, tkellem id-Deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi fejn hu tkellem fuq ‘il-pjagi’ li jeżistu u enfasizza li “ejja ma nparlawx biss imma naġixxu”.
Dr Azzopardi saħaq li “dan l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta jirrigwarda li l-età tal-irtirar tal-Imħallfin titla minn 65 sena għal 68 sena. L-Oppożizzjoni taqbel ma’ dan. Faċli wieħed jattakka l-ġudikatura fuq id-dewmien. Veru li hemm membri tal-ġudikatura li jistgħu jagħmlu aktar. Wasal iż-żmien li nbiddlu l-mod kif inbiddlu kompletament il-mod kif isiru l-kumpilazzjonijiet u min jagħmel l-inkjesti maġisterjali. Meta jkollok maġistrat li jagħmel inkjesta din tinvolvi ħafna ħin għax irid isir rapport finali. Wasal iż-żmien li l-inkjesti isiru minn pool iddedikat fuq dan biss. Nemmen li b’rieda tajba u b’konsultazzjoni mal-istake holders, nemmen li nistgħu naslu. L-Oppożizzjoni trid tagħti l-kontribut tagħha”.
Dr Azzopardi qal li “nissuġġerixxi lill-gvern biex jekk hemm bżonn nitkellmu flimkien fil-preżenza tal-avukat tal-istat u rappreżentanza tal-maġistratura biex nidħlu fid-dettal u nindirizzaw din il-pjaga. Ejja ma nparlawx aktar biss. Ejja naġixxu u nagħmlu sforz bis-serjetà.”
Qal li “hemm il-pjaga tal-kumpilazzjonijiet – il-ġbir tal-provi. Illum meta l-kompetenza tal-qorti tal-maġistrati hi li hi hemm kumpilazzjonijiet li jdumu sena u anke sena u nofs.” Talab lill-Gvern jikkonsidra li ma jkollniex ġuri darbtejn u talab biex is-sistema tkun emendata.