Mil-lum jibda uffiċjalment il-podcast ġdid tal-Partit Laburista bl-isem ‘Isma’ Dean’. Kif jindika l-isem stess, il-podcast se jitmexxa mill-avukat Dean Hili u se jkun f’forma ta’ diskursata ma’ mistednin differenti.
L-ewwel mistiedna ta’ dan il-podcast hija Dr Lydia Abela, li fil-podcast saħqet fuq l-importanza tal-wellbeing u s-saħħa mentali. Qalet li s-saħħa mentali hija fundamentali biex persuna temmen fiha nnifisha, tibni l-kunfidenza fiha nnifisha u tegħleb l-ansjetà. Ipproponiet li bħalma l-Gvern qed jgħin liż-żgħażagħ għas-saħħa fiżika billi jagħtihom sħubija f’gym b’xejn għal 6 xhur, nemmen illi għandna ngħinuhom iktar fejn tidħol is-saħħa mentali għax dik hija ċ-ċavetta għal ħafna żgħażagħ biex ikomplu għaddejjin u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Bil-podcast jixxandar ftit ġranet qabel Jum il-Mara, Dr Abela tkellmet dwar kif meta aċċettat li tokkupa l-kariga ta’ Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista għamlet din l-għażla bil-għan li tkun tista’ taħdem fuq policies biex fost l-oħrajn jimbuttaw iktar lin-nisa fil-politika, biex iż-żgħażagħ jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, u persuni b’diżabilità jkunu iktar inklusi fis-soċjetà.
Dr Lydia tkellmet kif l-esperjenza tagħha fil-politika għenitha tifhem aħjar diversi realtajiet soċjali u tisma’ mill-qrib x’għandhom xi jgħidu n-nies. Qalet li, bħala l-mara tal-Prim Ministru, għandha vuċi li biha tista’ twassal il-messaġġ u tagħmel differenza f’ħajjet in-nies.
Il-podcast tal-Partit Laburista kien tħabbar mid-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba bħala parti mill-proċess ta’ tiġdid fil-media tal-Partit Laburista. Il-podcast jista’ jiġi segwit illum fis-6pm mill-paġni soċjali ta’ ‘Isma’ Dean’ u għal dan l-ewwel podcast mill-paġni soċjali ta’ Dr Lydia Abela. Eventwalment se jkun disponibbli wkoll fuq YouTube, Spotify u Apple Podcasts.
Dr Lydia Abela tipproponi għajnuna liż-żgħażagħ biex jieħdu ħsieb is-saħħa mentali fl-ewwel podcast tal-Partit Laburista ‘Isma’ Dean’



