Monday, December 23, 2024

Dr Mary Grace Vella tinħatar ċerpersin tal-bord għall-akkomodazzjoni affordabbli

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ħatar lil Dr Mary Grace Vella bħala ċ-chairperson tal-bord għall-akkomodazzjoni affordabbli. 

Dr Vella se tkompli fuq il-ħidma imprezzabbli li wettaq f’dan il-bord is-Sur Joe Bartolo u se ssellem il-memorja tiegħu billi tkompli timmaterjalizza l-kunċett ta’ housing affordabbli f’pajjiżna.

Dr Mary Grace Vella bdiet il-karriera tagħha fis-settur pubbliku bħala uffiċjal tal-probation mas-Servizzi Korrettivi u serviet bħala uffiċjal tal-inklużjoni soċjali fi ħdan il-Ministeru tal-Politika Soċjali. Fil-preżent tgħallem fid-Dipartiment tal-Oqsma tal-Għerf fil-Ġ.F Abela Junior College u hi wkoll lettur-viżitatur fil-Fakultà tal-Arti u fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta. 

Tikkontribwixxi wkoll fiċ-Ċentru tal-Istudji dwar ix-Xogħol u toffri konsulenza fuq livell tekniku fil-qasam tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali lill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. Dr Vella ilha snin twal attiva fil-Moviment Graffitti u f’għaqdiet oħra mhux governattivi li jissieltu għal aktar ġustizzja soċjali u protezzjoni ambjentali u tifforma parti mill-Osservatorju Nazzjonali ta’ Għajxien b’Dinjità fi ħdan il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà.

Dr Vella gradwat fl-1998 b’Baċellerat fil-Psikoloġija fejn sussegwentament kisbet diploma fis-Servizzi tal-Probation u kwalifiċi fil-livell ta’ Masters fis-Soċjoloġija fid-Drittijiet Umani u d-Demokratizzazzjoni. Fl-2013 kisbet Dottorat fix-Xjenza Politika fi ħdan id-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta.

Dwar din il-ħatra, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li “Dr Vella, minkejja l-kwalifiċi akkademiċi eċċellenti tagħha, iddistingwiet ruħha bħala persuna li dejjem kellha lat prattiku għal xogħolha. Persuna kompetenti li l-profil tagħha jirrifletti d-direzzjoni li qed nagħti bħala ministru biex nindirizzaw l-isfidi tal-housing f’pajjiżna, li b’mod prattiku nifhmu r-realtajiet ta’ faxex differenti fis-soċjetà filwaqt li napplikaw ir-riċerka u l-istudji fid-deċiżjonijiet li nieħdu. Fil-fatt, Dr Vella se tkun qed tapplika dan il-prinċipju fil-ħidma li se twettaq, permezz tal-esperjenza li kisbet billi frekwentat iċ-ċrieki kollha tas-soċjetà u bil-kwalifiċi akkademiċi tagħha.”

Żied li Dr Vella se tkun qed taħdem id f’id mal-ministeru biex it-tielet settur ta’ housing f’pajjiżna, l-akkomodazzjoni affordabbli, iħalli l-frott mixtieq għall-benefiċċju tal-familji tagħna. 


Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li, “Dan hu impenn konkret fil-politika ta’ housing affordabbli. Konvint li Dr Vella hi l-persuna ideali biex inkomplu l-ħolma tal-mibki Joe Bartolo li jkollna mudell ta’ housing affordabbli li se jkun self-financed u bla ebda skop ta’ profitt. Proġett li juri l-impenn li l-Istat mhux qed hemm biss biex jipprovdi akkomodazzjoni soċjali iżda biex jassigura li d-dritt ta’ dar diċenti, adekwata u affordabbli għal faxex differenti. Dan għaliex, l-Istat mhux qed hemm biss għall-aktar saffi vulnerabbli imma anke għal dawk li d-dħul tagħhom ma jippermettilhomx ilaħħqu mar-rati tas-suq.”

Ikkonkluda li l-impenn tal-Awtorità u tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali li jkollna proviżjoni ta’ akkomodazzjoni affordabbli diġà qed jiġi implimentat permezz tal-benefiċċju tal-kera u li l-proġett pilota ta’ housing affordabbli f’sit tal-gvern fil-Fgura b’nefqa ta’ €10 miljun se jkun pass ieħor li jassigura li l-katina ta’ inizjattivi ta’ housing f’Malta tkompli tippromwovi l-mobbiltà soċjali.

Ekonomija

Sport