Saturday, November 23, 2024

Dr Michela Pulis tirbaħ il-Premju BOV fil-Mediċina 2024

Aqra wkoll

Dr Michela Pulis rebħet l-unur prestiġjuż tal-Premju BOV fil-Mediċina għas-sena 2024, b’rikonoxximent lejn il-prestazzjoni distintiva akkademika tagħha. Dr Pulis kisbet l-ogħla marki fl-eżami finali ta’ kwalifika fil-Mediċina matul is-Sena Akkademika 2023/2024 biex kisbet dan l-unur.

Il-Premju BOV fil-Mediċina ġie stabbilit fl-2006 permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Bank of Valletta u l-Fakultà tal-Mediċina fi ħdan l-Università ta’ Malta biex jinċentiva t-tagħlim u jippromwovi l-eċċellenza fl-edukazzjoni billi jenfasizza l-kisbiet tar-rebbieħ ta’ dan l-unur.

Dr Pulis ġiet ippreżentata b’ċertifikat kommemorattiv u premju fi flus minn Charles Azzopardi, Kap tad-Dipartiment tas-CSR fil-Bank of Valletta fil-preżenza tal-Professur Stephen Montefort, Kap tad-Dipartiment tal-Mediċina u Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Mediċina u Kirurġija fi ħdan l-Università ta’ Malta.

‘Nieħu din l-opportunità biex nifraħ lil Dr Pulis għall-kisbiet tagħha u ninsabu ċerti li l-ħiliet tagħha se jagħtu kontribut siewi fl-oqsma tal-istudju tagħha u nittamaw li tkun ta’ ispirazzjoni għal studenti oħra biex jimmiraw għal livelli dejjem ogħla,’ qal Charles Azzopardi. ‘L-għan aħħari ta’ dan il-premju, sa mill-bidu tiegħu 19-il sena ilu kien li jrawwem it-tkabbir akkademiku u jgħin biex ikollna xjenzati notevoli, li l-ħiliet tagħhom ikunu ta’ benefiċċju għall-komunità’.

Il-Professur Montefort ipproċeda ukoll biex jifraħ lil Dr Pulis għar-riżultati tagħha u spjega kif dan il-premju jħeġġeġ lill-istudenti biex jimmiraw li jiskbu l-ogħla riżultati u livelli dejjem aktar avvanzati fl-oqsma tax-xjenza u l-mediċina. ‘Il-persistenza, id-dedikazzjoni u l-interess ġenwin ta’ Dr Pulis fil-qasam tal-mediċina kienu l-muturi ewlenin biex hi tikseb l-aqwa riżultati fost 140 student u b’hekk hi tista’ żżid dan il-premju prestiġjuż mal-kurrikulu tagħha.’

Sport