Minn Cris Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Ili niġri xi 30 sena. Għall-ewwel għaxar snin kont nigri tlielaq tat-triq bħal 5k, 10k u nofs maratona, peró wara bdejt niġri trail. Għall-bidu itħtlielaq tieghi kienu kemmxejn qosra xi 50km peró iktar ma będą jgħaddi żmien l-imħabba tiegħi għat-trail kibret u kont insib aktar sodisfazzjon fi tlielaq twal fil-muntanji. Għaldaqstant l-aktar tlielaq li nħobb niġri huma twal ħafna u jkollhom ħafna ‘elevation gain’.
X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess li ksibt barra minn pajjiżna, fejn għamilt ġieħ u unur lil Malta?
L-aħħar tellieqa li ġrejt b’suċċess fl-Italja u Franza jisimha TDS (Sur les Traces des Ducs de Savoie). Din is sena kienet twila154km u kellha ‘elevation gain’ ta’ 9300m. Bdiet minn Courmayeur l-Italja u spiċċat f’Çhamonix, Franza. Ir-rotta kienet kollha fuq u madwar muntanji tekniċi ħafna fl-Alpi ta’ madwar Courmayeur, Petit San Bernard, Bourg San Maurice, Beaufort u Chamonix. Din it-tellieqa li hija kkunsidrata l-iktar tellieqa teknika u difficili fl-ultra trail summit li jsir kull sena f’Chamonix bdewha 1935 participant li minnhom 212 kienu nisa u spiċċawha 1208 participant li 142 minnhom biss kienu nisa (inkluża jien). Inżid ngħid li jien l-ewwel mara Maltija li pparteċipajt u ġrejt b’suċċess din it-tellieqa.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt sa issa bħala atleta?
Jien ili niġri ħafna u ġrejt b’suċċess ħafna tlielaq kbar. Ħa nsemmi xi ftit: Lavaredo ultra Trail (120km u D+5200m, CCC 101km u D+6000m, Madeira Island Ultra Trail-MIUT- 117km u D+ 7100m) * D+ tfisser elevation gain.
Bħala suċċessi oħra,din is-sena lestejt dottorat (PhD) dwar Sports, Health and Exercise Sciences fejn iffukajt ir-riċerka tiegħi fuq reżiljenza u strateġiji mentali fi sport bħalma nipprattika jien – sport li jirrikjedi strateġiji mentali biex jegħleb id-diffikultajiet kbar li jiltaqa’ magħhom atleta meta jkun qed jiġri distanzi straordinarji. Irriċerkajt ukoll dwar nisa f’dan l-isport billi użajt metodi kwantitattivi u kwalitattivi. Ir-riżultati li ksibt għenuni ħafna waqt it- tellieqa barra li taw ukoll perspettiva ta’ nisa f’dan l-isport.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi. Atleti għandhom l-ewwelnett isibu dak l-isport li l-aktar jogħġobhom u huwa addattat għalihom. Hawn ħafna minn fejn tagħżel. Imbagħad isibu r-raġuni għaliex iridu jagħmlu dak l-isport eżempju kompetizzjoni, biex ikunu b’saħħithom, u biex jieħdu pjaċir fost ħafna objettivi oħrajn. L-isport irid jagħti pjacir u jnawwar saħħa mentali fuq kollox!