Friday, October 11, 2024

Dr Peter Grech jgħid li diżappuntat kif ġie stmat fl-ittra tar-riżenja minn Avukat Ġenerali jgħid li ma setax jinżel fil-livell li jirrispondi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Avukat Ġenerali Peter Grech esprima d-dispjaċir tiegħu għall-attakki li saru fuqu b’uħud minnhom jiddeskrivihom bħala ntiżi biex jagħtu perċezzjoni foloz fuqu.

Dn ħareġ mill-ittra tar-riżenja li huwa kiteb lill-President tar-Repubblika George Vella fil-15 ta’ Awwissu li għadda u li fiha nfurmah li kien se jirtira bl-età mill-5 ta’ Settembru li ġej.

Fl-ittra maħruġa mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nnifsu Dr Grech jibda biex jiddeskrivi d-deċiżjoni li jirriżenja mill-kariga wara 10 snin bħalha waħda li ma kinitx waħda faċli la għalih u lanqas għal familtu.

Huwa jgħid li f’37 sena ta’ ħidma fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dejjem ħadem b’dedikazzjoni u lealtà lejn il-pajjiż u matul dan iż-żmien mhux biss ħadem ma’ ħafna persuni ta’ fehmiet differenti imma kien impenjat bis-f’numru kbir ta’ riformi legali importanti.

Waqt li semma kif dejjem wettaq dmiru skont il-Kostituzzjoni u skont il-kuxjenza u l-ġurament li ħa, Dr Grech irrimarka li huwa iddispjaċut kif ġie stmat u sostna li kien hemm drabi fejn il-kritika kienet inġusta u ntiża biex toħloq perċezzjonijiet foloz.

“Sfortunatament il-fatt li ġieli ma rribattejtx għad-diversi akkużi li saru fil-konfront tiegħi seta ġie interpretat bħala aċċettazzjoni ta’ dak li ntqal dwari u dwar il-qadi ta’ dmirijiet bħala Avukat Ġenerali”.

Huwa semma kif fl-aħaħr sentejn kien iffaċċjat biex problema serja ta’ saħħa u waqt li jgħid li setgħet kienet relatata max-xogħol stressanti tiegħu jżid li wasal biex jirrealizza li minkejja li dejjem kien dispost li jaħdem f’ambjent kontenzjuż u nieqes mis-serenità qatt ma mexa fuq il-prinċipju li saħħtu tiġi l-ewwel għalkemm issa jrid joqgħod attent li ma jaggravax il-kundizzjoni tiegħu.

Dr Grech kompla jggħid li issa wasal għal dan il-pass li jtemm dan il-kapitlu f’ħajtu li iddeskrivih bħala “vjaġġ iebes u qalil imma ta’ sodisfazzjon”.

Fi tmiem l-ittra huwa irringrazzja lill-familja tiegħu li sofriet intortament u lis-seba’ presidenti, is-seba prim ministri u l-10 ministri tal-ġustizzja li serva taħthom.

“Nibqa’ għas-servizz tal-pajjiż fil-każ li dan ikun jintħieġ is-servizzi tiegħi f’xi qasam fejn inkun nista’ nagħti kontribut”, temm jgħid Dr Grech.

Jitħabbru t-tliet imħallfin irtirati li se jagħżlu s-suċċessur tiegħu

Il-Gvern ħabbar it-tliet imħallfin irtirati li se jiffurmaw il-kummissjoni tal-ħatra li trid tagħżel l-Avukat Ġenerali l-ġdid.

Dawn se jkunu Michael Mallia bħala ċerpersin u Lawrence Quintano u Antonio Mizzi bħala ż-żewġ membri l-oħra.

Il-ħatra se ssir permezz ta’ sejħa pubblika b’dan seta jkun possibbli wara emendi li daħlu fil-liġi riċentament.

L-emendi fil-liġi tressqu mill-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis.

Sport