Dr Ramona Frendo ħadet il-ġurnament tal-ħatra bħala Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-ogħla forma ta’ bank tal-ġudikatura Ewropea.
Il-Maltija kienet l-unika mara fost dawk kollha li ħadu l-ġurament tal-ħatra f’ċerimonja li saret nhar it-Tnejn li għadda f’Lussemburgu
Hija kienet intgħażlet wara sejħa pubblika li ħarġet f’Ottubru li għadda. Il-kumitat tal-għażla rrakkomandaha biex tokkupa din il-kariga prestiġġjuża f’isem Malta.
Hija għaddiet minn proċess ta’ approvazzjoni tan-nomina minn diversi entitajiet. Dr Frendo kienet instabet li tissodisfa l-kwalifiki meħtieġa minn grupp ta’ imħallfin minn seba’ pajjiżi differenti.
Dr Ramona Frendo ilha mill-2019 isservi bħala mħallef fuq il-Qorti tal-Unjoni Ewropea, li tagħmel parti mill-istess Qorti tal-Ġustizzja, wara 22 sena fil-prattika legali f’oqsma li jvarjaw minn tilwim f’materji ċivili, kummerċjali, kriminali u fl-oqsma tal-assigurazzjoni, tal-Liġi tal-Familja u anke dik Industrijali.
Hi ħadet il-formazzjoni u t-taħriġ akkademiku tagħha mill-Universitajiet ta’ Malta u Cambridge u, fl-aħħar nett, ukoll mill-Kings College London. Hi serviet bħala konsulent f’diversi fergħat tal-liġi nazzjonali u saħansitra wkoll fil-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Dwar in-nomina ta’ Dr Frendo, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, kien qal li l-esperjenza, li akkumulat tul dawn l-aħħar snin bħala Mħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, żgur se tawgura tajjeb għall-għażla tagħha.
L-Imħallef Frendo issa se tieħu post l-Imħallef Peter J. Xuereb, li serva fil-kariga f’isem Malta fl-aħħar snin.