Minn Cristian Muscat
Drasko Braunovic twieled fl-20 ta’ Diċembru 1966 f’Kotor, ex-Jugoslavja, illum magħruf sew fil- Montenegro speċjalment fil-qasam tal-grassroots f’dan il-pajjiż. Il-karriera tiegħu fil-futbol bdiet f’età żgħira meta ngħaqad ma’ FK Bokelj, klabb lokali li kien jilgħab fil-konfini Montenegrini. Braunović jirrakkonta li l-ewwel kowċ tiegħu kien Berislav Beri Brguljan, eks plejer tal-klabb, li pprovda gwida importanti fl-iżvilupp tiegħu bħala plejer.
Matul dawn is-snin, FK Bokelj kien jikkompetu f’kompetizzjonijiet maġġuri fil-pajjiż u t-tim kien jinkludi xi wħud mill-aqwa plejers tal-Jugoslavja bil-kompetizzjonijiet li dejjem kienu ta’ livell għoli.
Bħala plejer, Braunović kien magħruf għall-kostanza tiegħu, id-determinazzjoni fil-grawnd u l-ħila teknika tiegħu. Sas-sena 1991, Draško lagħab ma’ FK Bokelj, u mbagħad mar FK Mogren, li jikkompetu fl-ogħla diviżjoni Montenegrina. Matul dawn l-erba’ snin,
Braunović kien parti mill-200 dehra fil-kampjonati Jugoslavi ta’ dak iż-żmien u rebaħ rispett kbir fost il-kompetituri tiegħu. Il-mument tiegħu f’Mogren wasslu biex jiġi skopert minn klabbs barranin u f’Malta, fejn il-logħob tiegħu kien jħossu distint u importanti. Kien hawn li beda l-karriera tiegħu fl-Ewropa.
Fl-istaġun 1993/94, Braunović ġie jilgħab Malta u ngħaqad ma’ Rabat Ajax, fejn beda jintroduċi l-ħila tiegħu fil-futbol Malti. Hawnhekk, l-impatt tiegħu kien immedjat. Il-klabb kien jeħtieġ plejers b’esperjenza u Draško ma kienx ta’ diżappunt. Hawn hu beda jingħaqad mal-ambjent Malti u sab il-memorji li għalih se jibqgħu ħajjin. Draško jgħid:
“Malta ħadet post speċjali f’qalbi. Għalija hi t-tieni dar tiegħi. Il-partitarji, il-komunità u l-
familja tal-futbol għamluha għalija esperjenza unika u memorabbli.”
Fl-1996, Braunović ingħaqad ma’ Valletta FC, fejn fil-pront beda jħalli impatt kbir fuq il-kompetizzjonijiet nazzjonali. Matul tliet snin, Draško u Valletta rebħu żewġ kampjonat Premier (1996-97, 1998-99), żewġ edizzjonijiet tal-FA Trophy (1996-97, 1998-99) u tliet Rothmans Super Cups (1996-97, 1997-98, 1998-99). L-istaġun 2000/01 kien memorabbli ħafna, meta Valletta F.C. kisbu rekord li kienu stabbilixxew stess fl-1996/97 u rebħet sitt kompetizzjonijiet organizzati mill-Malta Football Association, inkluż il-prestigjuża Centenary Cup, li ċċelebrat l-100 anniversarju tal-MFA.
Draško jiftakar dan l-avveniment f’intervista li tana: “Dak kien wieħed mill-aqwa mumenti fil-karriera tiegħi. Kien perjodu mimli ħbiberija, mumenti ta’ festa u tifħir mal-partitarji u s-sħab tat-tim. Valletta hija bħal familja għalija; meta rbaħt dawk is-sitt tazzi, kienet xi ħaġa li ma tistax tinsiha.”
Draško jiftakar ħafna logħbiet u gowls, imma jgħid: “Ħafna minn dawn il-memorji huma diffiċli biex jintesew. Kull festa, kull tifħir u kull ċelebrazzjoni jagħmluni kburi li kont parti minn Valletta FC. Anke meta lgħabt ma’ Birkirkara u rbaħt il-kampjonat, Valletta FC għamlu l-aktar impatt fuq qalbi. Anki ibni, li lagħab f’Maltawkoll, infakkru ħafna dawn il-mumenti ta’ glorja personali għalija.
F’Malta, Braunović kien preżenti fil-logħba bejn Valletta u Sliema mill-Yo Health Malta Premier, fejn osserva kif il-futbol nbidel matul is-snin: “Jien nara l-logħob tal-futbol Malti regolarment fuq it-televixin. Illum il-logħba ma kinitx impressjonanti, Valletta rebħu 1-0 fil-Jubilee Cup ftit tal-ġranet ilu. Madankollu, tara l-effett tat-tattika u l-organizzazzjoni fuq il-pitch; il-futbol Malti nbidel ħafna, hemm ħafna aktar attenzjoni fuq il-logħob strateġiku u għanijiet li jridu jintlaħqu.”
Draško bħalissa qed jaħdem mal-president Dejan Savićević fl-Assoċjazzjoni Montenegrina tal-Futbol fejn jorganizza programmi għat-tfal żgħar ta’ disa’ snin. “Għandi opportunità biex nara kif it-tfal jikbru fil-logħob u kif jieħdu l-passi tagħhom b’mod professjonali. Huwa sodisfaċenti ħafna.” Meta mistoqsi dwar coaching f’Malta u jekk xi darba għadx narawh hawnhekk, Draško jgħid ċar u tond: “Ma naħsibx li ser inkun coach f’Malta. Jien dejjem inħoss li nħobb inkun mal-ibliet żgħar u nħeġġeġ lit-tfal ikunu l-aħjar.”
Il-messaġġ tiegħu lit-tfal huwa ċar u motivanti: “Għandhom jitħarrġu, igawdu l-logħba u jaħdmu b’ħilithom kollha. Jekk trid tilħaq il-livell professjonali, trid tagħti kollox mhux biss fil-prattika imma fil-ħajja kollha.”
Riċentement, Braunović ingħaqad ma’ FK Arsenal bħala Direttur Tekniku fejn qed jiffoka fuq iċ-ċiklu tat-tfal u l-ġestjoni tat-tim tal-kbar. Huwa jemmen fil-qawwa tal-programmi ta’ żgħażagħ u fil-ħolqien ta’ esperjenza pożittiva għall-atleti żgħar. “Il-prijorità tiegħi hi li nħeġġeġ lit-tfal u norganizza l-attivitajiet biex ikunu professjonali u jgawdu l-logħba fl-istess ħin,” jgħid.
Il-karriera ta’ Draško Braunović f’Malta u barra l-pajjiż, kemm bħala plejer kif ukoll bħala manager, tagħmlu figura rispettata u apprezzata fil-komunità tal-futbol. Għalih, Malta se tibqa’ dejjem it-tieni dar tiegħu, u Valletta FC tibqa’ l-familja tiegħu, riflessjoni ta’ suċċessi, memorji u passjoni li ma jintilfux mal-ħin.
Il-memorji mill-isbaħ rebħ tas-sitt tazzi, l-imħabba tal-partitarji Beltin u l-komunità sportiva, u l-passjoni tiegħu għat-tfal juru kemm il-futbol Malti ħa post speċjali f’qalbu u kif dan il-laqgħa ma’ Valletta FC se jibqa’ dejjem parti minn ħajtu.

