Saturday, January 24, 2026

Draw ta’ mingħajr goals bejn Valletta u Hamrun Spartans

Aqra wkoll

Valletta ………………0

Hamrun Spartans ….0

Minn Cristian Muscat

Kienet partita ferm tattika dik bejn ir-rivali, Valletta u Hamrun Spartans, li ntemmet fi draw ta’ mingħajr goals.

Minn erba’ konfronti bejn dawn iż-żewġ timi­jiet matul dan l-istaġun, dan kien it-tieni riżultat ta’ draw, bil-Ħamruniżi jirbħu l-partita l-oħra fil-kampjonat, waqt li Valletta rebħu l-partita l-oħra mill-Jubilee Cup.

Ta’ nota huwa l-fatt li l-aħħar darba li konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet intemm fi draw ta’ mingħajr goals imur lura għad-19 ta’ Novembru 2017.

Ukoll, dan ir-riżultat fisser li Hamrun naqsu milli jsibu x-xibka wara xejn inqas minn disa’ logħbiet konsekuttivi, bl-aħħar darba li ma rnexxilhomx jagħmlu dan imur lura għal 5 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet f’telfa ta’ 2-0 kontra Sliema Wanderers.

Għal Hamrun iddefenda l-lasti, il-goalkeeper ta’ riser­va, Francisco Celio Paz, minflok il-goalkeeper titolari Henry Bonello.

Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu meta wara biss tliet minuti Ognjen Bjelicic kellu xutt mid-distanza li ntemm għoli.

Minkejja li l-Ispartans kienu l-aħjar team, huma ma setgħux jinfdu d-difiża Beltija li kienet kompatta u li “fgat” il-furja taċ-cham­pions renjanti … b’din tkun il-ħames partita konsekuttiva li Valletta ma sofrew l-ebda goal.

Fil-11-il minuta Hamrun reġgħu heddew permezz ta’ xutt ieħor mid-distanza din id-darba ta’ Ryan Camenzuli li wkoll intemm għoli.

Bil-Ħamruniżi jkunu territorjalment aħjar, fid-39 minuta resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta mill-cross ta’ Ryan Camenzuli, Damir Ceter żmarka lilu nnifsu iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit ċentimetri fuq il-mimduda.

Fid-59 minuta xutt mid- distanza ta’ Ryan Camenzuli intemm barra.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-65 minuta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Ceter ġiet ippanċjata f’si­gurtá mill-goalkeper Brażiljan ta’ Valletta, Adilson Aguero Dos Santos, f’liema azzjoni l-istess goalkeeper deher li weġġa’, u kellu jiddewwa mill-istaff mediku.

Valletta ħolqu l-ewwel u l-unika azzjoni denja ta’ nota, fit-88 minuta, meta tentattiv minn rovexxjata mill- isbaħ ta’ Yuri De Yesus Messias ħareġ l-aħjar ta’ Celio Paz li salva bi bravura u evita goal ċert.

L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.

Valletta: Adilson Aguero Dos Santos, Steve Borg, Brandon Paiber (Jackson Mendoza 83), Jake Azzopardi, Yannick Yankam, Keith Brewer Jr, Emmanuel Moise Mbende, Yuri De Jesus Messias (Neil Anthony Micallef 92), Sava Radic, Thaylor Aldama, Stijn Meijer (Andrea Zammit 69)   – Coach: Thane Micallef

Hamrun S.: Francisco Celio Da Paz Silva, Rafael Compri, Matthew Guillaumier, Matias Nicolas Garcia, Joseph Essien Mbong (Shaisen Attard 93), Vincenzo Polito (Danilo Bulevardi 83), Damir Ceter (Mouad El Fanis 83), Ognejn Bjelicic, Jonny (N’Dri Koffi 67), Emerson Marcelina, Ryan Camenzuli (Sven Xerri 93)   – Coach: Giacomo Modica

Referee: Matthew Degabriele

assistenti: Jurgen Spiteri, Mit­chel Scerri

Raba’ Uff.: Alex Johnson

Skorers: Ħadd

Ammoniti: E. Mbende, S. Borg, T. Aldama, A. Aguero Dos Santos (V), R. Camenzuli, O. Bjelicic, M. N. Garcia (HS)

Player tal-Logħba: Damir Ceter (H)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport