Minn Cristian Muscat
Valletta……………0
Sirens………………0
F’partita pjaċevoli, Valletta, sfaw miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Sirens, biż-żewġ timijiet jispiċċaw il-partita jilagħbu b’10 players hekk kif irriżultat tkeċċija fuq kull naħa fit-tieni taqsima.
Iż-żewġ timijiet kellhom iċ-ċansijiet tagħhom matul id-90 minuta li iżda ma rnexxielhomx isarrfuhom f’goals. Wara l-bidu ferm pożittiv minn Valletta fil-kampjonat taħt il-gwida tal-coach ġdid u żagħżugħ Thane Micallef, forsi wieħed kien jistenna xi ftit iktar minnhom, iżda sabu team ferm kumpatt u organizzat ta’ Sirens immexxi mill-coach Winston Muscat li offrielhom oppożizzjoni denja.
Kien biss fil-25 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja min-naħa ta’ Valletta, meta Kilian Bevis kellu xutt mid-distanza li ntemm barra. Sirens wieġbu żewg minuti wara permezz ta’ xutt ta’ Sean Cipriott li iżda sab lill-goalkeeper, Alessandro Guarnone, attent.
Fit-52 minuta, Sirens, spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta Gary Camilleri wettaq foul ikrah fuq il-player ta’ Valletta, Enmy Manuel Pena Beltre, bir-referee Philip Farrugia jkun pront u jurieh il-karta l-ħamra.
Għalkemm bi player inqas, Sirens, resqu viċin li jiftħu l-iskor mas-siegħa logħob meta Kei Sano kellu xutt minn pożizzjoni ideali li ġie kklerjat kważi minn fuq il-linja fatali mid-difensur ta’ Valletta, Christian Gauci.
Eventwalment, il-Beltin bdew japprofittaw mill-fatt li bdew jilagħbu bi player iktar u fl-64 minuta, Llywelyn Cremona, li kien qed jirritorna ma’ Valletta, kien sfortunat meta kellu x-xutt insidjuż tiegħu jistampa mal-mimduda.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-75 minuta, Jean Marie Ngong, kellu xutt mid-distanza li ġie mblukkat mill-goalkeeper ta’ Sirens, Andrea Cassar.
Fis-87 minuta, kien imiss lil Valletta li jispiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa Brandon Paiber permezz ta’ karta ħamra diretta, wara foul perikoluż li kkommetta fuq is-sostitut David Promise.
Fil-ħin miżjud, Valletta resqu viċin li jiksbu rebħa drammatika, meta s-sostitut Andrea Zammit kellu t-tentattiv tiegħu salvat bi bravura minn Andrea Cassar.
Valletta: 26-Alessandro Guarnone, 3-Enzo Ruiz (30-Llywelyn Cremona 50), 4-Jean Borg, 8-Triston Caruana (28-Jean Marie Ulrich Nnomo Ngong 46), 10-Shaun Dimech (88-Flavio Silva Cheveresan 62), 11-Oke Akpoveta (14-Christian Gauci 46), 18-Enmy Manuel Pena Beltre, 21-Bradley Steed Kandem Fawo, 22-Brandon Paiber, 66-Eslit Sala (9-Andrea Zammit 78), 93-Kilian Bevis Coach: Thane Micallef
Sirens: 1-Andrea Cassar, 3-Gary Camilleri, 4-Weder Soares Da Silva, 6-Marcelo Periera Muniz, 7-Kei Sano (72-David Emmanuel Promise Oluwatobi 76), 8-Rei Tachikawa, 10-Sean Cipriott, 17-Jacob Walker (15-Adrian Borg 49), 27-Ivan Vaselinov Kolev (38-Stephane Sessegnon 60), 30-Gabriel Fernandes Ventura, 31-Degran Jackson Coach: Winston Muscat
Referee: Philip Farrugia
Ass. Referees: Duncan Sultana, Mark Ciantar
Raba’ Uffiċjal: Glen Tonna
Skorers: Ħadd
Tkeċċew: G. Camilleri 53 (S), B. Paiber 87 (V)
Ammoniti: R. Tachikawa, S. Cipriott, D. Jackson, G. Fernandes Ventura (S), T. Caruana, K. Bevis, F. Silva Cheveresan (V)
Player tal-Logħba: Weder Soares Da Silva (S)