“Il-Gvern qed jaħdem mhux biss fuq l-ispazji ħodor iżda wkoll fuq ir-rikonoxximent għall-ħaddiema li jagħmlu dan ix-xogħol possibbli,” qalet il-Ministru għall-Ambjent Dr Miriam Dalli waqt l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Project Green.
Il-ħaddiema se jibbenefikaw minn ftehim kollettiv li jsaħħaħ il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li jirrikonoxxi l-irwol essenzjali tagħhom fit-twassil ta’ komunitajiet aktar ħodor u aktar b’saħħithom madwar Malta u Għawdex.
“B’dan il-ftehim qed ngħollu l-istandards fuq il-post tax-xogħol u fid-djar. Il-ħaddiema tagħna huma ċentrali għall-wegħda tagħna; li kull familja tgħix f’distanza ta’ mixja qasira minn spazju miftuħ u aħdar. Illum, qed nuru li meta l-ħaddiema jiġu rrispettati, jibbenefika l-pajjiż kollu,” qalet il-Ministru Dalli.
L-iffirmar sar fil-Milbrae Grove u huwa riżultat ta’ djalogu soċjali kostruttiv bejn il-General Workers’ Union, t-taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u l-amministrazzjoni ta’ Project Green.
Il-ftehim, li jkopri s-snin 2025–2029, jiggarantixxi żieda sostanzjali fil-paga bażika kif ukoll benefiċċji mtejba bħalma huma allowances ogħla għax-xiftijiet, allowances ta’ sengħa u ħiliet, u allowances annwali. Lil hinn mill-pagi, dan jirrappreżenta kwalità ta’ ħajja aħjar għall-impjegati u l-familji tagħhom, kif ukoll struttura aktar trasparenti u reżiljenti għall-aġenzija.
“Il-ħaddiema tagħna huma l-qalb tal-Aġenzija. Dan il-ftehim jagħraf id-dedikazzjoni tagħhom u jsaħħaħ il-kapaċità tagħna li noħolqu aktar spazji miftuħa għall-komunitajiet madwar Malta u Għawdex. Nirringrazzja lill-impjegati tagħna għall-impenn tagħhom, li jkompli jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri.
Il-General Workers’ Union laqgħet dan il-ftehim bħala titjib konkret fid-drittijiet tal-ħaddiema u bħala mod effettiv ta’ negozjar. “Huwa ta’ pjaċir u sodisfazzjon kbir li iffirmajna l-ftehim ta’ Project Green, l-ewwel ftehim kollettiv għal dawn il-ħaddiema li permezz tiegħu ġibna żidiet sostanzjali għall-ħaddiema u kundizzjonijiet aħjar,” qal is-Segretarju tat-Taqsima GWU Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall.