Qiegħed jitqajjem tħassib dwar il-fatt li drone Amerikan ittajjar mill-bażi ta’ Sigoenlla fi Sqallija lejn diversi żoni fil-Metierran fil-lvant nofsani. Sorsi qrib is-settur tal-avjazzjoni, infurmat lil IT-TORĊA li dan id-drone jagħmel parti mill-Flotta tal-Istati Uniti u deher diversi drabi jagħmel missjonijiet fil-Mediterran.
L-istess sorsi qalulna li r-rotta li qiegħed juża dan id-drone hi dik tmur lejn il-Libanu, is-Sirja, Izrael u wara jirritorna lejn il-bażi tiegħu.
Id-drone, Northrop Grumman MQ-4C Triton, jappartjeni għall-kategorija ta’ ajruplani maħsuba għas-sorveljanza marittima u l-ġbir ta’ intelligenza.
L-istess sorsi qalulna li d-drone għamel diversi passaġġi ħdejn l-ispazju tal-ajru Libaniż u Sirjan, filwaqt li baqa’ fl-ibħra internazzjonali.
Ta’ min jgħid li l-bażi tal-ajru f’Sigonella, fejn isiru operazzjonijiet konġunti tan-NATO u tal-Istati Uniti, hija ċentru ewlieni għall-monitoraġġ tal-attivitajiet fil-Mediterran. L-ajruplani jitilqu regolarment minn Sqallija biex iwettqu operazzjonijiet ta’ sorveljanza f’żoni ta’ kriżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.
L-MQ-4C Triton kapaċi jtir għal ħin twil, jopera f’altitudnijiet għoljin u janalizza meded vasti ta’ baħar u art. L-użu tiegħu żdied f’dawn l-aħħar snin hekk kif it-tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jevolvu fir-reġjun.
Ta’ min jgħid li ma kien hemm l-ebda komunikazzjoni uffiċjali mid-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti jew min-NATO rigward dawn il-missjonijiet. Madankollu, in-natura tar-rotta tissuġġerixxi li kienet attività ta’ ġbir ta’ intelligenza f’żona kkunsidrata strateġika minn perspettiva militari u ġeopolitika.