Sunday, December 28, 2025

Dubji kbar fuq l-awditjar tal-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista

Aqra wkoll

Kull ma jmur qegħdin jiżdiedu d-dubji fuq l-awditjar tal-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista. Taħt Dr Simon Busuttil u Adrian Delia, l-awdituri tal-kontijiet tal-Partit kienu d-ditta rinomata KPMG. Imma minflok ditta magħrufa, Alex Borg għażel li jaħtar lil ċertu Ryan Borg bħala awditur.

Borg inkorpora l-kumpanija ta’ accounting tiegħu Precision Point Malta Ltd propju fit-3 ta’ Settembru ta’ din is-sena. Dan minkejja li kien ilu jirreklama s-servizzi ta’ din il-kumpanija minn fuq profil fuq is-social media network Meta mit-13 ta’ Marzu tas-sena preċedenti, kif ukoll minn sit elettroniku. Imma minkejja li kienet ilha topera kważi sentejn is-sit tar-Reġistru tal-Kumpaniji ma għandu l-ebda kontijiet awditjati tal-Precision Point Malta Ltd stess.

Fattur ieħor stramb huwa li l-kumpanija ma tidhirx li hija reġistrata mal-Accountancy Board, la bħala auditing firm u lanqas bħala accountancy firm. Il-liġi tesiġi li kull kumpanija li toffri dawn is-servizzi tkun irreġistrata mal-Accountancy Board għax dan huwa regolatur tal-professjoni.

Il-kumpanija Precision Point Malta hija rreġistrata fuq 16, Triq id-Duru, Nadur. Dan huwa l-istess indirizz tal-lukanda Sea Holly.  Din il-lukanda minn riċerka li saret fuq is-sit tal-Malta Tourism Authority ma tidhirx li għandha liċenzja biex topera bħala lukanda. Dan minkejja li ilha tiġi reklamata bħala lukanda għal madwar sentejn.

Ryan Borg ma ffirmax il-kontijiet f’isem Precision Point Malta, imma f’ismu personali. Huwa lanqas ma uża l-indirizz tan-Nadur tal-kumpanija u tal-lukanda tiegħu, imma uża l-indirizz 42, Ward l-Għollieq, Triq Bir Rikka, Marsaxlokk. L-istess indirizz kien irreklamata għall-bejgħ minn Ryan Borg fuq il-profil Meta tiegħu s-sena li għaddiet. Mhux magħruf kemm hu permissibli li accounts awditjati jkunu ffirmati minn indirizz li ma huwiex dak irreġsitrat mar-reġistru tal-kumpaniji jew mal-Accountancy Board.

Filwaqt li jopera suppost kumpanija tal-accountancy u awditjar, kif ukoll boutique hotel, Ryan Borg fuq il-profil tiegħu tal-Linkedin jsostni li huwa impjegat full time mal-kumpanija Vistajet bħala Group Consolidation Assistant Manager. Anke dan huwa fatt ferm suspettuż għax li tkun awditur mhux suppost ikun irwol part-time ta’ ndividwu, imma l-attitiva prinċipali. Dan minbarra li Borg isostni li huwa wkoll żviluppatur tal-propjeta kif ukoll investitur fuq il-boroż barranin.

Borg huwa attiv ħafna fuq is-social media fejn jidher li huwa sostenittur ta’ Elon Musk, li jqis aktar kapaċi minn Donald Trump, kif ukoll tal-partit tal-lemin estrem, l-AFD, fil-Ġermanja. Meta kien jirreklama opportunita bħala senior auditor huwa sostna li “to be successful you just need to sit down and shut up and not be a little bitch”. Skont hu dalwaqt ikun hawn gwerra ċivili għax ir-Renju Unit huwa “flooded by low value, third country nationals that don’t pay tax and drain social benefits”. Skont hu dawn il-Musulmani “reproduce like rabbits”, imma jgħid li wara l-kollass tar-Renju Unit se jkun hemm “a new Great Britain”. Ftit qabel kien appuntat bħala awditur tal-PN, Borg kien sostna li n-nisa jbiddlu l-ħsieb tagħhom fuq l-abort skont ma liema raġel ikunu qed joħorġu u li jekk jinqabdu tqal minn xi biljunarju jew ċelebrità żgur mhux se jmorru jagħmlu abort.

Waqt li Borg iffirma l-kontijiet ta’ erbgħa snin tal-PN f’ġurnata waħda, il-31 ta’ Ottubru, il-Partit Nazzjonalista mar jissottometti tali kontijiet mal-Kummissjoni Elettorali fil-15 ta’ Diċembru. Dan bi ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti, li tistipola li fi żmien sebgħa t’ijiem minn meta l-kontijiet ikunu awditjati dawn iridu jkunu sottomessi lill-Kummisjoni Elettorali. Minflok 7 ijiem il-PN dam jostor il-kontijiet awditjati għal 45 ġurnata sħaħ.

Fost l-affarijiet li l-aktar jispikkaw fil-kontijiet tal-PN huwa kif dawn għandhom obbligazzjonijiet finanzjarji kurrenti li huma kważi d-doppju tal-assi kurrenti tagħhom. Dan ifisser li jekk il-kredituri jitolbu flushom lura, l-PN bilkemm ikopri nofs dawn l-obbligi mill-assi likwidi tiegħu. Jekk il-PN ikollu jħallas id-dejn dirett tal-partit, billi jbigħ l-assi kollha tiegħu, nkluż il-propjeta, kulma jifdal huwa 4.5 miljun ewro. Dan meta d-dejn tal-Medialink huwa erbgħa darbiet dan l-ammont. B’kuntrast meta l-kontijiet kienu awditjati mill-KPMG, l-assi netti tal-PN kienu jkopru d-dejn tal-Medialink u allura l-PN ma kienx teknikament fallut.

Barra minn hekk fi żmien meta l-kontijiet tal-PN kienu awditjati minn ditta oħra, il-partit kien qiegħed inaqqas l-ammont dovut lill-Kummisarju tat-Taxxi fir-rigward ta’ bolla u taxxa miġbura mill-pagi tal-ħaddiema imma mhux mgħoddija lill-Gvern. Minn somma dovuta ta’ €458,372 fl-2015, dan kien naqas għal €184,016 fl-2020. Waqt li l-PN ma kienx qed jippublika l-kontijiet, dan l-ammont tela’ għal €582,389. Li jfisser li l-PN minflok kompla jħallas dak dovut, ħa mal-€400,000 mill-pagi tal-ħaddiema tiegħu stess biex jiffinanzja l-operat tiegħu u tal-Medialink.

Fuq dawn iż-żewġ fatti, l-istat ta’ falliment kif ukoll il-misapproprijazzjoni ta’ flus il-ħaddiema, l-awditur tal-PN għażel li ma jlissinx kelma fir-rapport tiegħu, imma saħanistra sostna li l-PN jista jibqa’ topera finanzjarjament. Dan meta sal-aħħar ta’ din is-sena għandu pendenzi ta’ miljun ewro, u ta’ erbgħa miljun ewro sa’ tmiem is-sena d-dieħla.

Ta’ min jinnota, li jumejn qabel inħarġu dawn il-kontijiet u wara li suppost kienu ilhom iffirmati kważi xahar u nofs qabel, il-President tal-Kunsill Amministrattivt tal-PN, Graham Bencini, kien sostna li huwa ma kienx jafx min hu l-awditur tal-PN. Dan meta l-istatut tal-Partit jgħid li huwa l-President tal-Kunsill Amministrattiv li propju għandu l-irwol li jappunta l-awditur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport