Wednesday, July 23, 2025

Dun Alwiġ u l-Knisja Ta’ Savina

mill-Kav Joe M Attard

Aqra wkoll

F’għeluq il-120 sena mit-Twaqqif tal-Adorazzjoni Perpetwa fil-Knisja Ta’ Savina (1904 – 2024), bil-għajnuna tal-Artts Council Malta, il-Knisja ta’ Savina Victoria, fuq skript ta’ Carm C. Cachia għadha kemm ippubblikat il-ktieb ‘Dun Alwiġ u l-Knisja Ta’ Savina b’tislima lill-Benefatturi tal-imgħoddi u tal-lum li taw u għadhom jagħtu s-sehem tagħhom fiż-żamma tal-Knisja Ta’ Savina u fis-sostenn tal-Adorazzjoni perpetwa.  Fi kliem ir-Rettur tal-Knisja Ta’ Savina, Mons Dr. Joe Vella Gauci, dan il-ktieb qed jiġi ppubblikat biex niesna taqrah u tifhem is-sinjifikat tal-Ewkaristija f’ħajjitna u l-importanza tal-Adorazzjoni Ewkaristika.  

Il-karatteristika ewlenija tal-Knisja  Ta’ Savina hi l-adorazzjoni.  Li naduraw lil Gesu’ fl-ewkaristija mhix okkażjoni ta’ darba, imma għemil li rridu nikkultivaw f’kull jum ta’ ħajjitna.  Sa minn meta twaqqfet l-Adorazzjoni Perpetwa fil-Knisja Ta’ Savina, li nsibu fil-qalba tal-Belt Victoria, qabel ma taqbad triqtek lejn is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, jiġifieri mill-1 ta’ Gunju 1904 sallum, bla għadd kienu dawk il-persuni li b’ġenerożita kbira, offrew ħinhom u l-kwalitajiet sbieħ tagħhom  biex għal 120 sena l-adorazzjoni perpetwa setgħet tissokta bla ebda interruzzjoni. Kif jispjega tajjeb ir-Rettur ta’ din il-knisja ħelwa li dan l-aħħar għaddiet minn xogħol ta’ restawr, wieħed għandu għax irodd ħajr lil dawk li ġew qabilna u taw is-sehem assidwu tagħhom.  Illum li qed ngħixu f’ambjent soċjokulturali ħafna differenti minn dak tal-bidu tas-seklu l-ieħor, dan il-proġett tal-Adorazzjoni Perpetwa qed joffri sfidi ġodda. Barra r-rakkont storiku  dan il-ktieb huwa minnu innifsu, stedina lill-pubbliku biex jimpenja ruħu u jżur  li Gesu’ Ewkaristija fil-Knisja Ta’ Savina.  Gesu’ innifsu talab lill-Appostli biex jishru miegħu, biex jitolbu ħalli ma jidħlux fit-tiġrib. Qatt daqs illum ma tinħass il-ħtieġa li nersqu lejn Gesu Ostja f’dinja mifnija  mill-ġlied u l-gwerer.  Qatt daqs illum m’għandna bżonn l-Ewkaristija biex niskopru mill-ġdid il-valuri tal-Vanġelu.  

F’kelmtejn għal din il-pubblikazzjoni, Mons Isqof Anton Tewma jagħmel riferenza   għal Mons Lwiġi Vella li bena għal darb’oħra u ħadem bi sħiħ b’risq l-Adorazzjoni u l-Knisja Ta’ Savina, saċerdot intelliġenti u qaddis u l-impenn tiegħu fi gżiritna biex ikollna  knisja li fiha  jkun hemm Gesù espost għal parti l-kbira tal-ġurnata.  L-Isqof  wera t-tama tiegħu li dan il-ktejjeb iservi biex ħafna nies, b’mod speċjali l-istudenti tagħna jagħrfu  aktar is-sbuħija ta’ Gesù preżenti fil-ħobż tal-Ewkaristija.  

Nagħlaq din r-reċensjoni qasira biex inħeġġiġkom, għeżież qarrejja, biex ma tħallu xejn ifixkel il-konċentrazzjoi tagħkom meta  tirfsu ‘l ġewwa mill-għatba tal-KnisjaTa’ Savina fejn  qalb il-bniedem issib il-mistrieħ u l-paċi vera tal-qalb u tal-moħħ. F’waħda mill-knejjes ta’ Pariġi fejn dan l-aħħar kelli l-okkażjoni sabiħa li nżur għadd ta’ Santwarji Marjani, iltqajt ma’ messaġġ li kien jgħid hekk:  When you enter this church, it may be possible  that you hear ‘the call of God’ .  However it is unlikely that He will call you on your mobile.  Thank you for turning off your phones.  If you want to talk to God, enter, choose a quite place and talk to Him.  Ċertament li din għandha tkun id-dispożizzjni ta’ kull wieħed u waħda minna.  U llum min ma jridx ma jsibx ftit tal-ħin biex joqgħod fis-skiet jitkellem mal-Imgħallem Divin meta niftakru li f’kull parroċċa għandek issib kamra b’ Gesu Sagramentat espost għal ħinijiet twal.

Grazzi u prosit lil dawk kollha li tawna f‘idejna din il-pubblikazzjoni hekk ħelwa u interessanti b’mod speċjali lill-awtur is-Sur Carm C. Cachia, għal żmien twil għalliem tal-Malti, lil-artist Dennis Monpalao, lil Leanne Ellul li qrat u kkoreġiet it-test, lil Fabienne Grech u Kurt Cassar li ssettjaw it-test u lill-istampatur Tonio Mercieca.  Issa jmiss likom li  tiksbu kopja ta’ din il-pubblikazzjoni li tissokta tqarribkon lejn il-Knisja tal-Adorazzjoni perpetwa Ta’ Savina.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport