Dun Anġ Seychell se jingħata l-aħħar tislima għada fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun. Fil-11.00 a.m. Dun Anġ se jkun espost fl-Oratorju tas-Santissimu Sagrament biex imbagħad fl-4.00 p.m. issir iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika b’radd il-ħajr lil Alla għall-ħajja ta’ Dun Anġ fil-Knisja taż-Żejtun.
Fil-5.00 p.m. isir korteo funebru bis-sehem tal-Banda Żejtun u l-Banda Beland. Id-difna ssir fil-qabar ta’ Fondazzjoni Nazareth.
Dun Anġ Seychell ħalla din id-dinja s-Sibt li għadda fl-età ta’ 91 sena. Huwa ddedika l-ħajja saċerdotali tiegħu għall-ħidma mal-Caritas u l-Fondazzjoni Nazareth għal persuni b’diżabilità.
“Dun Anġ benefattur kbir tas-soċjetà tagħna” – il-President Myriam Spiteri Debono
Fi stqarrija, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono sellmet il-memorja ta’ Dun Anġ Seychell, li kien wieħed mill-ewwel fundaturi ta’ Caritas Malta u partikolarment irrikonoxxiet il-kontribut tiegħu, minn ħwejġu u l-enerġija tiegħu, għall-kawża ta’ dawk li jsofru minn xi diżabilità u l-familji tagħhom.
“Dun Anġ, benefattur kbir tas-soċjetà tagħna, u l-memorja tiegħu, nistgħu nonorawha biss kemm-il darba kull wieħed u waħda minna, kulħadd skont kif jista’, jgħin lil min ikun fil-bżonn,” qalet il-President.