Friday, September 20, 2024

Dun David Muscat iwieġeb mhux ħati ta’ diskors ta’ mibgħeda

Aqra wkoll

David Muscat wieġeb mhux ħati fuq diskors ta’ mibegħda (hate speech) u użu ħażin tat-teknoloġija minħabba l-kummenti dispreġġjattivi tiegħu fuq persuni omosesswali. 

Huwa tressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.

Il-Pulizija ressqet akkużi ta’ reat ta’ mibegħda fuq żewġ kummenti li l-qassis kiteb fuq Facebook aktar kmieni din is-sena. Il-Maġistrat Farrugia qal li wieħed irid jara l-kuntest kollu ta’ dak il-post.

F’wieħed mill-kummenti, Dun Muscat tkellem dwar il-possibbiltà li s-suspettat fil-qtil ta’ tfajla Pollakka, kien gay, bisesswali jew ippossedut mix-xitan u qal li l-“gayness” hija agħar milli tkun possedut. 

Il-kumment l-ieħor tpoġġa taħt ritratt li juri lis-suspettat tal-qtil liebes flokk ikkulurit, u jgħid li qisu kien għadu ġej lura mill-“gay pride”.

Aktar tard l-Arċisqof Charles J. Scicluna ħareġ twissija formali lil Dun David Muscat u tah struzzjonijiet biex fil-fora pubbliċi ma jibqax jagħmel kummenti li jinsulentaw u jweġġgħu, inkella jitwaqqaf milli jeżerċita l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku.

Minħabba l-fatt li huwa ma tressaqx il-Qorti taħt arrest ma kienx hemm il-ħtieġa li jintalab il-ħelsien mill-arrest.

L-avukati tiegħu Mariah Mula u Christopher Attard qalu li mhux se jkunu qed jikkontestaw l-asserzjoni li r-risposta għall-post fil-fatt kienet miktuba minn Muscat, iżda qalu li qed jikkontestaw li ma tikkostitwixxix diskors ta’ mibegħda.

Qabel ma telaq, il-maġistrat fakkar lill-membru tal-kleru li kien figura magħrufa u kliemu kellu piż. “Dak li ġara, ġara, irrid niddeċiedi dwaru sfortunatament, iżda ‘l quddiem ma rridx aktar każijiet.”

Il-każ ġie differit għall-4 ta’ Marzu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.

Sport