Thursday, March 27, 2025

Dun Fabio il- 11 -il suċċessur ta’ Don Bosco

Aqra wkoll

Id-Djoċesi ta’ Għawdex faħħret lil Alla u ferħet ma’ Dun Fabio Attard SDB, wieħed minn uliedha, hekk kif fil-jum tas-Solennità tat-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija, il-Mulej reġa’ xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon ta’ din il-Knisja u bagħat l-Ispirtu tiegħu ta’ qadi fuq dan is-saċerdot Salesjan, umli u dedikat, biex imexxi l-opra għażiża Salesjana bħala l-11-il suċċessur ta’ Don Bosco. Dan hekk kif it-Tlieta figlħdou, id-29 Kapitlu Ġenerali tas-Salesjani ħatar lil Dun Fabio bħala Rettur Maġġur tal-Kongregagazzjoni Salesjana, imxerrda ma’ 136 pajjiż fid-dinja.

Dun Fabio twieled il-Belt Victoria, Għawdex fit-23 ta’ Marzu 1959, u rċieva l-ewwel sagramenti fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana. Huwa ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskejjel tal-Belt Victoria, u wara tliet snin ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex, fl-1978 daħal fil-familja Salesjana. Wara l-istudji tiegħu fl-Inserm u eventwalment fi ħdan il-Konregrazzjoni Salesjana, għamel il-Professjoni Reliġjuża f’Dublin, fit-8 ta’ Settembru 1980.

Huwa rċieva l-Ordinazzjoni Djakonali fit-12 ta’ Lulju 1986 mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, u dik Presbiterali fl-4 ta’ Lulju 1987 mill-Kardinal Castillo Lara sdb, it-tnejn fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria. Speċjalizza fit-Teoloġija Morali fl-Università Pontifiċja Salesiana u fl-Akkademja Pontifiċja Alfonsiana ta’ Ruma, fejn aktar tard ġie msejjaħ jgħallem, waqt li fl-1999 kiseb Dottorat mill-Milltwon Institute for Philosophy and Theology ta’ Dublin bir-riċerka tiegħu fuq it-tema tal-kuxjenza fl-omeliji Anglikani ta’ San John Henry Newman.

Għen biex twaqqfet il-preżenza Salesjana f’Tunis, u aktar tard serva wkoll bħala Rettur tal-Oratorju u l-Iskola Salesjana ta’ Saint Patrick’s f’Malta. Fl-2005 waqqaf l-Istitut għall-Formazzjoni Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u sar l-ewwel Direttur tiegħu. Is-26 Kapitlu Ġenerali tal-Kongregazzjoni Salesjana kien ħatru Delegat tal-Provinċja tal-Irlanda u Malta, kif ukoll Kunsillier għall-Pastorali maż-Żgħażagħ.

Għalkemm għex għal ħafna żmien barra minn gżiritna, minħabba l-ministeri importanti li kien jokkupa kemm fi ħdan il-familja Salesjana u kemm fil-Knisja universali, Dun Fabio kien dejjem punt ta’ riferiment għal-lajċi impenjati, saċerdoti u saħansitra għall-isqfijiet tad-Djoċesi.

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ċempel lil Dun Fabio biex jifraħlu, hekk kif wara li l-220 provinċjal u delegat miġbura f’Valdocco għażluh bħala Rettur Maġġur, hu kien fi triqtu lejn Turin, il-benniena tal-ispiritwalità u l-kariżma Salesjana, biex iżur il-qabar tal-fundatur San Ġwann Bosco.

Sadanittant, il‑Knisja f’Malta ferħet lil Fr Fabio Attard SDB li nħatar bħala l‑11‑il suċċessur ta’ Don Bosco fil‑missjoni pastorali tiegħu ta’ Rettur Maġġur tal‑Konregazzjoni Salesjana.

“F’dan il‑mument tant sabiħ għall‑Knisja f’Malta u għall‑Knisja Universali, nitolbu għal Fr Fabio f’din il‑missjoni ġdida ta’ ragħaj fdata lilu f’136 pajjiż madwar id‑dinja.”

F’telefonata ma’ Fr Fabio ftit wara t‑tħabbira tal‑ħatra tiegħu, l‑Arċisqof Charles Scicluna u l‑Isqof Awżilarju Joseph Galea‑Curmi awgurawlu għal din il‑ħidma l‑ġdida u wegħduh is‑sapport u t‑talb tal‑Knisja f’Malta.

Fost il‑bosta esperjenzi teoloġiċi, pastorali u akkademiċi tiegħu, Fr Fabio kien ukoll l‑ewwel direttur tal‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali li twaqqaf bħala risposta għas‑sejħa li ħarġet mis‑Sinodu Djoċesan tal‑2003 sabiex tiġi promossa u kkoordinata l‑formazzjoni tal‑Insara fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport