Saturday, January 11, 2025

“Dun Seguna kien jgħin ħafna nies fil-bżonn” – Is-Segretarja tal-Parroċċa, Moria Muscat

Aqra wkoll

Hekk kif kompliet jinġabru aktar provi u xhieda fil-każ tal-eks-Kappillan ta’ Marsaxlokk Dun Luke Seguna, illum kien imissi lis-Segretarja tal-Parroċċa, Moria Muscat biex tagħti x-xhieda tagħha.

Muscat qalet li bħala qassis kien iħobb jgħin ħafna lin-nies fil-bżonn u anke kien hemm każi li kien jixtrilhom u jeħdilhom xirjiet minn supermarkets. Apparti dan kien hemm nies li kien iħalsilhom il-kontijiet tad-dawl u l-ilma minħabba li ma kellhomx mezzi finanzjarji biex jagħmlu dan.

Dun Seguna jinsab mixli li ffroda madwar 150 persuna fuq medda ta’ għaxar snin kif ukoll jinsab akkużat b’miżapproprjazzjoni ta’ fondi, ħasil ta’ flus u falsifikazzjoni ta’ dokumenti. Is-saċerdot dawn l-akkużi huwa qed iwieġeb mhux ħati.

Waqt ix-xhieda tagħha, Muscat sostniet li hi taf familji personalment li marru jitolbu l-għajnuna tal-akkużat. Parti minn dawn il-familji lanqas huma mill-Parroċċa ta’ Marsaxlokk. Hi qalet li kien hemm ħafna jmorru jitolbuh l-ikel u anke xi flus biex iħallsu l-kera ta’ djarhom.

Moria Muscat ta’ spejgazzjoni dwar id-donazzjonijiet fejn qalet li hemm żewġ tipi. Dik li tisejjaħ il-ġbir tal-Lura, sistema antika li biha l-familji kienu jagħtu Lm1 lill-knisja kull xahar u min irid donazzjonijiet oħra. Is-sistema tal-Lira tinvolvi nies li kienu jmorru bieb bieb jiġbru €2.33 f’isem il-Knisja. Imbagħad kienu jagħtu l-flus miġbura lil Muscat.

Muscat kienet toħroġ riċevuta lin-nies li ġabru l-flus u riċevuti separati lid-donaturi fl-aħħar tas-sena. Spjegat li l-flus kienu jiġu depożitati l-bank fil-kont tal-parroċċa.

Dwar l-arbular, hija qalet li kien hemm min jagħti €10 kull xahar direttament lill-kappillan jew lilha u hi kienet tgħaddihomlu. Qalet li kien hemm madwar 70 familja li kkontribwew għal dan l-arbular.

Muscat qalet ukoll li kienu taw ċekk ta’ €470 lil Dun Seguna wara li kienu ġabru xi flus għal għeluq l-10 anniversarju mill-ordinazzjoni tiegħu.

Il-każ se jkompli jinstema fil-ġimgħat li ġejjin.

Sport