“M’aħniex ħa nieqfu hawn. Din is-sentenza ma kinitx it-tmiem ħlief ta’ battalja imma l-gwerra għadha ħa tibda għax ġibna l-isptarijiet imma issa rridu l-miljuni tal-poplu lura.” Iddikjara dan l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt il-protesta fi pjazza Kastilja li saret ilbieraħ.
Delia ħa l-opportunità biex jinċita diversi versi minn dokumenti pubblikati fosthom mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li jifforma parti mis-sentenza tal-konċessjoni tal-Isptarijiet fejn baqa’ jsostni li mhux minnu li l-pagi tal-professjonisti tas-saħħa kienu jagħmlu parti mill-€400 miljun li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jgħid li ttieħdu minn fuq il-poplu biex ngħataw lil Steward.
Delia mill-ġdid saħaq li minkejja li l-gvern mar fil-Parlament jipprova jieħu l-mertu u jgħid li qiegħed jagħmel l-aqwa għal pajjiżna, kellu jkun hu li għal jħares l-interess nazzjonali u jiftaħ l-istess kawża quddiem l-ogħla qorti.
Aktar kmieni din il-ġimgħa fil-parlament id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne spjega dwar din it-talba tal-Oppożizzjoni biex iftaħ kawża u ċċara li l-gvern Malti diġà għamel il-każ tiegħu f’arbitraġġ internazzjonali fejn qed jagħmel talbiet fl-interess ta’ Malta.