Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bowling?
L-imħabba tiegħi għall-bowling bdiet tmien snin ilu wara li ġejt avviċinat mill-kowċ Sammy Borg li ħajjarni biex nibda nitħarreġ f’dan l-isport. Ftit żmien wara ġejt aċċettat fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS). Hemmhekk kelli l-opportunitá biex nittrenja, insiefer u nikkompeti barra minn Malta filwaqt li niffoka fuq l-edukazzjoni tiegħi.
X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess li ksibt f’Berlin fil-jiem li għaddew?
L-aħħar success tiegħi kien f’Berlin, fejn jiena flimkien ma’ atleti Maltin oħra morna biex nikkompetu fil-”Berlin City Open”. Din kienet l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tiegħi wara sentejn minħabba raġunijiet varji.
Hemmhekk kien irnexxieli nikkwalifika fl-24 post. B’hekk kont għaddejt direttament għall-final stage 3, fejn lgħabt serje ta’ 827 fuq erba’ logħbiet biex għaddejt għall-fażi sussegwenti. Wara lgħabt serje ta’ 899 fuq erba’ logħbiet biex għaddejt għall-matchplay. Fil-matchplay lgħabt kontra Sandro Brandt fejn irbaħt bi skor ta’ 417-
406. Finalment għaddejt għall-final stage 6 fejn ġejt kontra Lukas Jelinek tar-Repubblika Ċeka fejn tlift bi skor ta’ 458-499 (medja ta’ 229 kull logħba). B’hekk temmejt dik il-kompetizzjoni fil-ħames post.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f dan l-isport li tant tħobb, għalkemm għadek ta’ età żgħira?
F’dawn l-aħħar snin ksibt bosta suċċessi fuq livell nazzjonali, speċjalment fuq livell internazzjonali, peró naħseb li l-aktar suċċessi maġġuri li kelli kienu meta rbaħt id-deheb fil-Belġju u l-Iżvizzera, il-bronż fl-Ingilterra u fil- Kampjonati Ewropej ġewwa Franza, u issa f’Berlin fejn spiċċajt fil-ħames post minn 260 atleta wara li kien ilni ma nikkompeti għal madwar sentejn.
Kif tqis il-livell tal-bowling f’pajjiżna fil-preżent?
Meta tqabbel il-livell tal-bowling f’Malta ma’ dak ta’ pajjiżi oħra, huwa evidenti li Malta għandha potenzzjal kbir speċjalment meta tqis il-fatt li r-riżorsi huma limitati. Pajjiżi oħra għandhom ferm aktar postijiet tat-taħriġ fil-madwar, u l-abbiltá biex jivvjaġġaw għall-kompetizzjoniet barra mill-pajjiż hija ferm aktar faċli meta kkumparat ma’ Malta.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Aħna nitħarrġu f’’The Eden’ u jkollna kompetizzjoniijiet organizzati mill-MBA (Malta Bowling Association) matul is-sena.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Rigward il-futur tiegħi fil-bowling jien dejjem xtaqt illi dan mhux jservi bħala passatemp biss imma possibilment bħala karriera u bl-għajnuna tal-kowċis tiegħi ġietni l-opportunitá biex nistudja u nikkompeti fl-Amerika.
Hemmhekk, se nkun nista’ niffoka fuq l-istudji tiegħi waqt li niffoka wkoll fuq il-karriera tiegħi f’dan l-isport. Wara li niggradwa qed nimmira biex inkompli nikkompeti fil-PBA Tour b’mod professjonali, li hija l-ħolma ta’ kull bowler bħali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-bowling.
L-ewwelnett nixtieq nirringrazzjak ta’ din l-intervista, filwaqt li nirringrazzja lill-ġenituri tiegħi kif ukoll lill-kowċis Rick Vogelesang u Sue Abela tas-sapport u l-għajnuna kontinwa tagħhom. Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi lil min jixtieq jibda jipprattika l-bowling huwa li m’għandek taqta’ qalbek qatt, għax kollox huwa possibli avolja mhux dejjem faċli!