It-tellieqa ta’ qabel tal-aħħar tal-Garmin BSJ Open Water Swimming saret fis-Salina nhar l-Erbgħa u kienet tikkonsisti f’għawma fuq medda ta’ 4 kilometri.
It-tellieqa, li serviet ukoll bħala kwalifikazzjoni għall-għawwiema li qegħdin jimmiraw għall-parteċipazzjoni fl-għawm fil-fliegu, li ser jisir f’Settembru, bdiet b’kundizzjonijiet tat-temp moderati b’dawn jinbidlu lejn tmiem it-tellieqa biex kienu aktar ta’sfida għall-għawwiema.
Dylan Cachia kompla juri l-konsistenza tiegħu fejn mill-bidu tat-tellieqa waqqaf il-pass għall-bqija tal-għawwiema. Cachia temm it-tellieqa f’ħin ta’ 52 minuta u 27 sekonda. Warajh, Luca Vella u Tristan Micallef kienu qed jiġġieldu għat-tieni post. B’mod konsistenti Vella daħal fit-tieni post f’kull dehra tiegħu f’dawn il-kampjonati u wera li ma kienx se jċedi faċilment. Huwa waqqaf it-tentattiv ta’ Micallef meta għelbu b’vantaġġ ta’ tliet sekondi.
Martina Micallef ħarġet rebbieħa fit-tellieqa femminili meta għelbet lil Roanna Farrugia bi kważi minuta. Iż-żewġ għawwiema kienu dejjem konsistenti fil-kampjonati u t-tnejn kienu ilhom jisfidaw lil xulxin. It-tielet post fuq il-podju ttieħed minn Lara Meli.
L-aħħar tellieqa tal-Kampjonati Garmin BSJ Open Water Swimming ser ssir nhar l-Erbgħa 31 ta’ Awwissu fil-5.00 pm.
Dan l-avveniment qed isir minflok it-tellieqa li kienet skedata fit-3 ta’ Awwissu li kellha tiġi posposta minħabba vandaliżmu li sar fuq il-propjetà tal-club. Din it-tellieqa se tinkludi wkoll distanza ta’ 4km għall-għawwiema li ma setgħux ikunu preżenti fl-24 ta’ Awwissu. L-għan tal-4km fil-31 ta’ Awwissu huwa li jinkiseb ħin ta’ kwalifika għall-għawwiema li jixtiequ jieħdu seħem fil-għawm bejn Malta u Għawdex f’Settembru, u mhux se jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni finali tal-kampjonati nazzjonali.
Ir-reġistrazzjoni għal din it-tellieqa tista’ ssir online permezz ta’ din il-link –
Irġiel | Nisa | |
1 | Dylan Cachia (52.27) | Martina Micallef (1:03:18) |
2 | Luca Vella (55:00) | Roanna Farrugia (1:04:24) |
3 | Tristan Micallef (55:03) | Lara Meli (1:17:05 |