Fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta, ġew iffirmati żewġ Memoranda ta’ Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmi Finanzjarji tan-Norveġja, u tal-Area Ekonomika Ewropea. Dawn il-ftehimiet jistabbilixxu kif ser jintefqu €10.8 miljun fi proġetti ta’ fondi allokati mill-Mekkaniżmi Finanzjarji rispettivi. In-Norveġja, l-Iżlanda u Liechtenstein qed jiffinanzjaw dawn il-mekkaniżmi skont obbligi ta’ dawn il-pajjiżi fil-qafas tar-relazzjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea. Madwar €1.5 miljun jinħarġu minn fondi lokali biex jikkumplimentaw il-finanzjament tat-tliet pajjiżi l-oħra.
Għall-iffirmar tal-ftehimiet kien hemm preżenti l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi li f’diskors irrefera għal dak li kisbet Malta minn madwar €8 miljun mill-istess mekkaniżmu għall-perjodu bejn l-2014 u l-2021. Permezz ta’ dawn il-fondi Malta investiet fi proġetti li tejbu l-kwalità tal-ħajja, saħħew l-istituzzjonijiet u mmodernizzaw servizzi essenzjali. Fost dawn il-proġetti kien hemm l-ewwel Sensory Integration Clinic għal tfal b’diżabilità, l-introduzzjoni ta’ screening għal kundizzjonijiet partikolari fit-trabi tat-twelid u verifika tas-sigurtà tal-prodotti tad-demm.
Kien hemm inizjattivi li laħqu aktar minn 2000 tifel u tifla kif ukoll adolexxenti billi nstabu postijiet fi djar residenzjali għal minuri vulnerabbli u appoġġ lil madwar 500 żagħżugħ u żagħżugħa b’servizzi għal ħajja indipendenti. Kien hemm 170 minn dawn iż-żgħażagħ li fi żmien sena, komplew bl-edukazzjoni tagħhom, bdew jaħdmu jew tħarrġu. Issaħħet il-governanza permezz tat-taħriġ lil impjegati fi 68 Kunsill Lokali u 282 impjegat fl-amministrazzjoni pubblika.
Fis-settur kulturali, permezz tal-Mekkaniżmu ta’ finanzjament li għadu kif temm ġew diġitalizzati madwar 7,000 oġġett fil-Mużew Marittimu filwaqt li permezz ta’ diversi għotjiet żgħar ġew megħjuna diversi komunitajiet fit-twettiq ta’ proġetti konnessi mal-kwalità tal-ħajja, l-inklużjoni u s-sostenibbiltà ambjentali. Dawn il-proġetti, stqarr il-Ministru Zrinzo Azzopardi, juru l-impatt pożittiv li ħallew dawn il-programm bl-iffinanzjar min-Norveġja, l-Iżlanda u Liechtenstein.
Il-Ministru saħaq li l-okkażjoni tal-lum tfakkar kif ir-riżultati li jagħmlu differenza huma riżultat ta’ sforz komuni. Huwa rrimarka li l-kisbiet iseħħu permezz ta’ koperazzjoni bejn il-ministeri, l-entitajiet pubbliċi, il-partijiet interessati u ċ-ċittadini. Il-Ministru rringrazzja lil kulħadd għall-kontribut u d-dedikazzjoni tagħhom.
Meta tkellem dwar l-iffinanzjar il-ġdid għas-snin 2021–2028, il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li Malta mill-ġdid qed tikkommetti ruħha li tikkollabora ma’ dawn it-tliet pajjiżi biex tara li l-fondi miksuba jintużaw biex tonqos in-nuqqas ta’ parita fl-oqsma soċjali u ekonomiċi bejn Malta u dawn il-pajjiżi u li tara li ssaħħaħ il-koperazzjoni magħhom.
Fil-proġetti taħt il-programm il-ġdid ser jintefqu aktar minn €2.2 miljun biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-protezzjoni ċivili u t-tħejjijiet tagħha għal kriżijiet li jistgħu jinqalgħu. Ser jintefqu wkoll €2 miljuni f’restawr u rinnovar sostenibbli ta’ siti kulturali filwaqt li hemm ipprogrammata nefqa ta’ €1.5 f’tisħiħ tal-kapaċità tal-personnel involuti fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Nefqa ta’ €2.8 miljun se tkun iddedikata għall-iżvilupp ta’ ħiliet speċjalizzati u appoġġ lil persuni b’diżabilità.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi wera r-rikonoxximent tiegħu għax-xogħol li sar biex tħejjew dawn il-proġetti partikolarment lis-Segretarju Permanenti s-Sur Jonathan Vassallo u li staff fit-Taqsimiet tal-Fondi u Programmi, u tal-Istrateġija u l-Implimentazzjoni tal-Ministeru. Huwa radd ħajr ukoll lir-rappreżentanti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tan-Norveġja u r-rappreżentanti mill-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu Finanzjarju fi Brussell.
L-iffirmar tal-ftehimiet sar mid-Direttur Ġenerali fid-Diviżjoni tal-Fondi u Programmi tal-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, l-Inġ. Anthony Camilleri u mid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għall-Affarijiet Ewropej u l-Politika Kummerċjali tan-Norveġja Frode Overland Andersen.
Għall-iffirmar kien hemm preżenti s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, is-Sur Jonathan Vassallo, diversi uffiċjali mill-Ministeru għall-Fondi Ewropej flimkien ma’ oħrajn minn Ministeri u entitajiet li bbenifikaw jew ser jibbenifikaw mill-Mekkaniżmi Finanzjarji kif ukoll rappreżentanti barranin li ġew Malta għal din l-okkażjoni.

