Friday, November 15, 2024

€10 miljun bħala fondi addizzjonali għall-iskema ta’ Investiment fil-Ħiliet

Aqra wkoll

Il-Gvern se jkun qed jalloka €10 miljun ta’ fondi Ewropej taħt il-programm il-ġdid 2021-2027 biex iżid il-potenzjal tal-iskema ta’ Investiment fil-Ħiliet li tgħin lis-settur privat u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jinvestu fir-riżors uman tagħhom bis-saħħa ta’ taħriġ tal-ħaddiema.
 
Din l-iskema tnediet fl-2017 b’total ta’ €7.45 miljun u minn dakinhar appoġġat 37,600 ħaddiem minn 1,142 intrapriża u entità, li minnhom 87% kienu kumpaniji żgħar u medji.
 
Bħalissa qed jiġu implimentati s-sejħiet għall-applikazzjoni tal-aħħar fażi tal-iskema magħluqa fil-31 ta’ Marzu 2023. B’dawn l-applikazzjonijiet se jwasslu għal aktar minn 3,962 għotja sa tmiem l-2023.
 
Minkejja din l-għajnuna importanti fis-snin li għaddew, il-ħtieġa għat-taħriġ tal-ħaddiema tibqa’ kruċjali. Għalhekk il-Gvern qiegħed jagħmel impenn ġdid u b’saħħtu li jgħaqqad mal-ambizzjonijiet tal-Politika Nazzjonali tal-Impjiegi, għal aktar karrieri ta’ kwalità.
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li l-Gvern jemmen li l-edukazzjoni hija essenzjali biex l-impjegati jsaħħu l-ħiliet tagħhom u jkomplu mexjin ‘il quddiem fis-suċċess li qed jagħmel pajjiżna fil-qasam tax-xogħol.
 
“Bl-allokazzjoni ta’ €10 miljun bħala finanzjament addizzjonali mill-programm il-ġdid ta’ fondi Ewropej, se nassiguraw li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikomplu jirnexxu f’intrapriżi li joperaw f’setturi differenti, mill-manifattura sas-servizzi. B’hekk it-titjib ekonomiku jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd,” sostna s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.
 
Din l-għajnuna se tgħin ukoll lill-entitajiet privati biex jibqgħu kompetittivi u jaħtfu opportunitajiet ġodda fl-industriji rispettivi tagħhom.
 
L-iskema ta’ Investiment fil-Ħiliet taħdem b’rifużjoni tal-ispejjeż tal-ħaddiema u tat-taħriġ kif ukoll tal-ivvjaġġjar fejn applikabbli. Ir-rati ta’ din l-iskema se jiġu riveduti fuq bażi annwali biex jinkludu wkoll l-fattur tal-inflazzjoni.

Ekonomija

Sport