Mara li kienet sofriet 7% diżabilità meta sfat imtajra minn karozza fl-2021 ingħatat €10,044 bħala kumpens.
Dan il-każ kien seħħ fis-26 ta’ Settembru tal-2021 meta l-vittma kienet qiegħda taqsam biex tmur tixtri fi Triq Valletta l-Mosta. Skont dak ippreżentat fil-Qorti hekk kif kienet waslet għan-naħa l-oħra tat-triq feġġet karozza li laqtitha f’saqajha.
F’każ fil-Qorti Ċivili ġie nnutat li s-sewwieq kien refa’ r-responsabbiltà tal-inċident. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li l-mara kienet soffriet danni permanenti u l-ebda kumpens ma jista’ jwassalha biex terġa’ lura kif kienet.
Il-vittma kienet qalet fil-Qorti li wara l-inċident kienet għamlet diversi xhur ma tistax timxi għax kienet weġġgħet irkupptejha. Fost l-affarijiet li kellha twaqqaf kienet li tmur il-gym.
Il-Qorti qalet li trid tagħmel tajjeb għat-telf tal-intergrità psikofiżika u soċjali tal-mara kawża tal-inċident. Fil-kalkoli tagħha l-Qorti, qieset ukoll li l-mara għamlet għaxar ġimgħat konvalixxenza għax ma setgħetx iċċaqlaq saqajha.
Il-Qorti nnutat li minħabba l-vittma hija mara tad-dar, dan ix-xogħol sfortunatament għadu mhux adegwatament rikonoxxut mil-leġislatur f’ħafna mil-liġijiet soċjali, anke jekk huwa kontribut li m’għandux prezz.
Il-Qorti qalet li b’sens ta’ apprezzament lejn il-valur tax-xogħol tal-parti fiż-żwieġ li tibqa’ d-dar, tħoss li għandu jkun applikat il-kriterju tal-paga minima fix-xahar.
Wara li l-Qorti ħadmet kollox, fosthom il-paga minima, il-pensjoni u r-rata ta’ diżabilità, iddeċidiet li l-mara tingħata kumpens ta’ €10,044, li dawn iridu jitħallsu bejn ix-xufier u l-kumpanija tal-assigurazzjoni.