L-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħarġet b’€10,000 f’multi lill-partijiet involuti fit-twaqqigħ ta’ binja fuq is-sit fejn kien hemm l-uffiċċju tal-kumpanija GO f’Birkirkara.
Dan wara xogħol perikoluż li kien għaddej, kif jidher ukoll fuq filmat li ċċirkola fuq il-mezzi tax-xandir fejn ammont sostanzjali ta’ ġibel spiċċa saħansitra f’nofs ta’ triq. Il-pieni ġew mogħtija lill-iżviluppatur tal-proġett, lis-site technical officer u lill-kuntrattur li tqabbad sabiex iwaqqa’ l-binja. Dan il-ġurnal jinsab infurmat ukoll illi qabel jitħallsu l-multi kollha, ix-xogħol mhux se jitħalla jitkompla.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) ikkundannat l-imġiba ta’ “ftit kuntratturi” li juru nuqqas ta’ rispett lejn is-soċjetà bit-traskuraġni tagħhom u b’ċertu azzjonijiet.
Qalet li sfortunatament numru żgħir ta’ kuntratturi qed jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni. Saħqet li attitudnijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu tollerati aktar.
L-MDA tenniet li qiegħda tagħti l-aħħar twissija lill-operaturi kollha fl-industrija tal-kostruzzjoni u se tieħu azzjoni biex tiżgura li mġiba ħażina bħal din ma tkunx ittollerata.
B’rabta mal-kontroversja li nqalgħet dwar it-twaqqigħ tal-binja, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi aċċetta r-riżenja tal-Perit Maria Schembri Grima mill-kariga ta’ Chairperson tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.
Hija rriżenjat wara li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ħareġ ordni biex ix-xogħol fuq il-proġett, li l-perit tiegħu kienet Schembri Grima, jieqaf b’mod immedjat minħabba n-nuqqasijiet fil-mod ta’ kif kien qiegħed jitwaqqa’ l-bini.