Saturday, November 9, 2024

€10,000 multa għall-Kaptan Tuneżin li stad f’Malta illegalment

Aqra wkoll

Kaptan ta’ bastiment Tuneżin li kien involut f’sajd illegali fl-ibħra territorjali kien ikkundannat multa ta’ €10,000 wara li tressaq il-Qorti fejn wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Mustapha Hancha ta’ 29 sena, li huwa l-Kaptan tal-bastiment Mohamed Chiheb li jtajjar il-bandiera Tuneżina tressaq quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.

L-imputat, li huwa Tuneżin, wieġeb ħati li fl-14 ta’ Awwissu 2022 u fil-ġranet ta’ qabel stad fl-ibħra tas-sajd Maltin mingħajr liċenzja u li naqas milli javża lill-uffiċjali għat-tħaris tas-sajd bl-ammonti, bid-deskrizzjonijiet u bil-preżentazzjoni ta’ ħut abbord il-bastiment, qabel ma l-bastiment jidħol fl-ibħra Maltin.

Akkużi oħra li nġiebu kontrih jgħidu li huwa naqas milli jinnotifika lill-awtoritajiet Maltin, tal-port jew faċilitajiet ta’ żbark speċifikati li se jkunu qed jiġu użati mill-bastimemnt, mill-inqas tlitt ijiem ta’ xogħol qabel il-ħin mistenni tal-wasla fil-port u dan bi ksur tal-liġi.

Hancha kien arrestat wara li l-Pulizija tal-Għassa tal-Belt, uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura u l-Forzi Armati ta’ Malta, kienu spezzjonaw il-bastiment tas-sajd Tuneżin li kien għadu kif trakka f’Xatt il-Barrieri. 

Minn aktar investigazzjonijiet, irriżulta li l-bastiment ma kellux liċenzji biex jintuża għas-sajd fl-ibħra territorjali ta’ Malta. Minbarra li l-Kaptan kien arrestat, kienu kkonfiskati madwar 500 kilogramma ta’ ħut u tagħmir tas-sajd.

Il-Qorti, filwaqt li kkundanatu multa ta’ €10,000, ordnat li t-tagħmir fuq il-bastiment jgħaddi f’idejn il-Gvern Malti. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliot Magro. L-Avukat Victor Bugeja deher għall-imputat.

Sport