Friday, December 27, 2024

€110.2 miljun fi drogi maqbuda mid-Dwana bejn l-2015 u Ottubru 2020

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bejn l-2015 u Ottubru 2020, id-Dwana Maltija rnexxielha taqbad ‘il fuq minn 17,500 kilo ta’ droga, bil-valur fit-triq, li kieku nbiegħet, kienet tlaħħaq il-€110.2 miljun. Il-qabdiet kienu jinvolvu 16,385 kilo kannabis, 1,142 kilo kokaina, 5.4 kilo khat, 2.6 kilo drogi sintentiċi, 2.4 kilo eroina u 404 pilloli ecstasy. 

Fl-2018 ġew irrappurtati madwar 1.3 miljun qabda ta’ droga fl-Ewropa. Il-kwantità ta’ raża tal-kannabis maqbuda fl-UE telgħet għal 668 tunnellata minn 468 tunnellata fl-2017.

Numru ta’ pajjiżi, li ġeneralment jaqbdu kwantitajiet żgħar ta’ droga, inkluż Malta, urew żidiet konsiderevoli fl-2018. 

Il-kwantità ta’ kokaina maqbuda fl-UE laħqet l-ogħla livelli qatt irreġistrati fl-2018, li jammontaw għal 181 tunnellata. Fl-istess sena, l-ammont ta’ eroina maqbuda fl-UE żdiedet għal 9.7 tunnellati.

Minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament Malti, jirriżulta li 118-il traffikant ta’ droga tressqu quddiem il-Qorti fl-2015, 108 fl-2016, 60 fl-2017, 107 fl-2018, 164 fl-2019 u 65 sa issa fl-2020. In-numru ta’ persuni li tressqu fuq pussess ta’ droga kien ta’ 408 fl-2015, 659 fl-2016, 634 fl-2017, 506 fl-2018, 387 fl-2019 u 117 sa issa din is-sena.

Ekonomija

Sport