Sunday, December 22, 2024

€135,000 għal turista li ttajret waqt li kienet qiegħda tistenna taxi

Aqra wkoll

Imħallef ordna Sudaniż li jagħti kumpens ta’ €135,000 lill-Ispanjola li tajjar waqt li kienet qiegħda tistenna taxi biex tirritorna pajjiżha.

L-inċident kien seħħ fis-27 ta’ Novembru 2010, għall-ħabta tas-7.00 a.m., fi Triq ix-Xatt tal-Gżira.

Inmaculada Maria San Jose Vega kienet ma’ żewġt iħbieb tagħha tistenna taxi biex iwassalhom l-ajruport ħalli jirritornaw pajjiżhom.

Peress li t-taxi kienet tard il-mara, li dak iż-żmien kellha 35 sena, qasmet it-triq biex issib taxi oħra mentri sħabha baqgħu fuq in-naħa l-oħra.

Waqt li kienet fuq il-bankina ġiet vettura misjuqa minn Mohammed Abdullah Mohammed li baqgħet dieħla fi tliet karozzi qabel telgħet fuq il-bankina u laqtet lill-mara.

Hija ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn instab li kellha ksur fiż-żewġ saqajn u idha.

Mohammed tressaq fil-Qorti fejn irriżulta li ftit qabel l-inċident kien qed jixrob Paceville u nfatti mit-test tan-nifs irriżulta li kellu livell ta’ alkoħol għola minn dak permess mil-liġi.

Huwa nstab ħati li saq taħt l-effett tal-alkoħol u b’veloċita aktar minn dik permess fl-imsemmija triq u kien ikkundannat sentejn ħabs.

Il-mara fetħet kawża għall-kumpens fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili bl-Imħallef Francesco Depasquale jikkonferma r-responsabbilta tas-Sudaniż.

Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens huwa qies li l-eta tal-mara meta seħħ l-inċident u sofriet diżabilita ta’ 18%.

Kien għalhekk li huwa ordnalu biex jagħti €135,000 lil Vega bħala kumpens għall-ġrieħi li ikkaġunalha.

Ekonomija

Sport