Saturday, December 21, 2024

€15-il miljun addizzjonali għal studenti li jixtiequ jkomplu fl-istudji tagħhom

Aqra wkoll

Wara l-ħruġ mill-Bank Malti għall-Iżvilupp ta’ sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess, il-Bank of Valletta intagħżel bħala intermedjarju fl-iskema Further Studies Made Affordable plus (“FSMA+”), Strument Finanzjarju mplimentat mill-Bank Malti għall-Iżvilupp wara li kiseb fondi mill-UE fondi mill-Programm Operattiv tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ta’ Malta. Permezz ta’ din l-iskema, il-fondi tal-FSE se jservu bħala garanzija għall-ħolqien ta’ portafoll ta’ self sa €15-il miljun li se jkun disponibbli bħala finanzjament għall-istudenti li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom.

L-FSMA+ tibni fuq is-suċċess tal-iskema tal-FSMA li tnediet fl-2019 u ġġenerat ‘il fuq minn €9 miljun f’self ġdid għall-istudju. Il-BOV Studies Plus+ jappoġġja studenti jew professjonisti li jixtiequ jkomplu studji f’Malta jew barra fuq bażi full-time/part time jew permezz ta’ tagħlim mill-bogħod. Il-BOV Studies Plus+ jista’ jgħin biex jiffinanzja l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, tal-għajxien u tal-ivvjaġġar flimkien mal-miżati għat-tagħlim b’termini favorevoli ħafna.

Il-benefiċċji ta’ BOV Studies Plus+ jinkludu moratorju matul il-perjodu ta’ studju u sena oħra, li matulha l-istudent ma jħallas l-ebda imgħax, terminu ta’ ħlas lura itwal, l-ebda rekwiżiti ta’ kollateral u rata ta’ imgħax baxxa matul it-terminu li jifdal tas-self. L-imgħax fuq is-self matul il-perjodu tal-moratorju huwa sussidjat bis-sħiħ grazzi għall-fondi tal-UE li saru disponibbli mill-Awtorità Maniġerjali permezz tas-sieħeb implimentattiv tagħha l-Bank Malti għall-Iżvilupp.

Kenneth Farrugia, Chief Retail Banking Officer tal-Bank of Valletta ffirma l-ftehim maċ-Chairman tal-Malta Development Bank, Prof Josef Bonnici fil-preżenza taċ-Chairman tal-BOV Dr Gordon Cordina, l-Onor. Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Ministri l-Onor. Silvio Schembri, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi żghar, u l-Onor Dr Clifton Grima, Ministru tal-Edukazzjoni u Sport

‘L-edukazzjoni hija għodda vitali u l-istudenti kollha għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw u jiffinanzjaw l-edukazzjoni għolja tagħhom hekk kif jipproċedu fil-vjaġġ uniku tal-ħajja tagħhom,’ qal iċ-Chairman tal-BOV. ‘Il-Bank of Valletta huwa kburi li ntgħażel mill-Bank Malti għall-Iżvilupp biex jimplimenta l-akbar fond għall-finanzjament tal-istudenti sal-lum, b’rati saħansitra aħjar minn edizzjonijiet preċedenti. Il-BOV Studies Plus+ huwa mfassal biex jagħti lill-istudenti l’kunfidenza fid-deċiżjonijiet li qed jieħdu biex jippjanaw u jħallsu għall-edukazzjoni għolja li min-naħa tagħha se tagħti mobilità ekonomika u tmexxi ‘l quddiem il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.’

“Il-kollaborazzjoni tal-Bank Malti għall-Iżvilupp mal-Bank of Valletta diġà pprovdiet €9 miljun tul dawn l-aħħar sentejn u €15-il miljun oħra se jkunu disponibbli għal studenti u professjonisti li jfittxu li jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom,’ qal il-Prof Bonnici. ‘L-appell qawwi ta’ dan il-finanzjament xprunana biex infittxu aktar finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) li jippermetti lill-istudenti jiksbu aktar suċċessi fil-ħajja personali u professjonali tagħhom u jkollhom rwol importanti fl-irkupru ekonomiku ta’ Malta wara l-pandemija.’

‘Dan huwa investiment ieħor mill-fondi tal-Unjoni Ewropea lejn l-edukazzjoni u l-iffaċilitar ta’ finanzjament li jiggarantixxi investimenti sostenibbli fit-tul għall-pajjiż,’ qal Dr Zrinzo Azzopardi. ‘Din l-iskema ta’ bosta miljuni ta’ ewro se toffri liż-żgħażagħ tagħna u anke lill-istudenti anzjani tagħna aktar opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jiksbu l-impjieg mixtieq tagħhom bil-pajjiż jibbenefika mill-ħiliet u r-riżorsi addizzjonali tagħhom.’

Il-BOV Studies Plus+ (Further Studies Made Affordable Plus Financial Instrument) huwa appoġġjat mill-Programm Operattiv II, ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew u mmexxi mill-Bank Malti għall-Iżvilupp.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq https://www.bov.com/content/bov-studies-plus-plus. Biex japplika wieħed għandu jiffissa appuntament ma’ Fergħa tal-BOV permezz ta’ https://www.bov.com/Assistants/set-an-appointment jew billi jibgħat email fuq [email protected].

Ekonomija

Sport