Wednesday, March 27, 2024

€15,676 għal deliveryman li ttajjar waqt li qed iqassam l-ikel

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel li ttajjar minn vann waqt li kien qed iqassam l-ikel fuq il-mutur se jingħata kumpens ta’ €15,676 wara li x-xufier li tajru nżamm responsabbli tal-inċident.

Il-każ seħħ fit-2 ta’ Ottubru 2013, għall-ħabta tal-11.15 p.m., waqt li Anthony Vassallo kien għaddej bil-mutur mill-Ħamrun fi triqtu lejn il-Furjana biex iqassam ikel tal-Pizza Hut.

Huwa ntlaqat minn vann tat-tip Mercedes Vito misjuq minn Christian Cutajar li dak il-ħin kien għadu kemm ħalla d-dar tiegħu biex imur jiġbor xi turisti mill-ajruport.

Bil-ġrieħi li sofra Vassallo, li dak iż-żmien kellu 46 sena, għamel żmien fil-periklu tal-mewt fl-Isptar Mater Dei u mit-testijiet li sarulu rriżulta li huwa kien sofra diżabilità ta’ madwar 49%.

Vassallo fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Cutajar fejn żammu responsabbli tal-inċident imma dan tal-aħħar sostna li kien ix-xufier tal-mutur li jaħti għal dak li ġara.

Quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff ix-xufier sostna li kien is-sewwieq tal-vann li baqa’ ħiereġ minn triq sekondarja u ma setgħax jevitah mentri Cutajar qal li l-mutur kien ġej b’veloċità eċċessiva.

Wara li, fost oħrajn, sema x-xhieda tagħhom u ra l-pjanta tal-inċident l-Imħallef Mintoff iddikjara li huwa jemmen il-verżjoni ta’ Vassallo u għalhekk ikkundanna lil Cutajar jagħtih €15,676 bħala kumpens.

Huwa wasal għal dan il-kumpens wara li qies diversi fatturi fosthom l-età, is-salarju li kellu u l-ammont ta’ diżabilità li sofra kawża tal-imsemmi inċident tat-traffiku.

Ekonomija

Sport