Sid ta’ ‘farmhouse’ ġie ordnat jagħti €16,000 lill-ġardinar li mar jiżborlu s-siġar wara li dan ingidem mill-kelb tiegħu tar-razza German Shepard.
Nicholas Mizzi fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Joseph Delia fejn żammu responsabbli għall-ġrieħi li sofra.
Mizzi spjega lill-Imħallef Lawrence Mintoff kif fil-15 ta’ Diċembru 2015 huwa kien qed iniżżel l-għodda mill-vann biex jiżbor xi siġar taż-żebbuġ fil-‘farmhouse’ ta’ Delia.
Huwa sostna li kif daħa ġewwa bil-vann u beda jniżżel is-sellum minn fuqu ġie kelb tar-razza German Shepard minn warah u ħatfu f’għarqubu.
Mizzi sostna li kien Delia li ħataf il-kelb minn ħalqu u ġibdu minn fuqu imma ftit wara l-kelb reġa’ ħarab u ħataflu siequ mill-ġdid.
Wara li Delia dewwielu l-ferita bi spray ħadu fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Qormi fejn ingħata injezzjoni għall-uġigħ u ngħata parir imur l-isptar fejn ġie operat f’siequ wara li ntilef minn sensih minħabba li tilef ħafna demm.
Min-naħa tiegħu Delia sostna li dakinhar huwa daħal jixrob il-kafe meta Mizzi kien qed iniżżel l-għodda mill-vann.
F’ħin minnhom sema lil Mizzi jgħajjat u meta ħareġ qallu li kien gidmu l-kelb. Skont Delia l-kelb qatt m’għamel għal ħadd.
Anke martu Pauline qalet li l-kelb tagħhom qatt ma għamel għal ħadd u li ma setgħet tara ebda traċċi ta’ demm fuq Mizzi.
It-tnejn li huma sostnew li Mizzi kien diġa ġie ġurnata oħra jaħdem fid-dar u waqa’ minn fqq siġra.
L-Imħallef Mintoff sema wkoll x’kellhom xi jgħidu tobba u speċjalisti li eżaminaw lil Mizzi fejn ilkoll xebbħu l-feriti ma’ gidma minn annimal bin-nejbiet b’fiżjoterapista tgħid li t-terapija li kellu bżonn kienet għal ‘post-dog bite’.
Huwa irrefera wkoll għar-ritratti esebiti fejn jidher ċar li l-ferita hija kompatibbli ma’ gidma u sostna li l-koppja Delia ma kinietx kredibbli.
“Barra minn hekk il-Qorti qieset li l-konvenut stess (Delia) ammetta li l-kelb inkwistjoni huwa kelb tal-għassa li jinbaħ meta jara lil xi ħadd ġdid fil-proprjeta ta’ sidu, u minkejja dan, huwa xorta naqas milli jorbtu jew jassigura li dan ma jagħtix fastidju lill-attur li mar jagħmel xogħol fil-proprjeta tiegħu”.
L-Imħallef Mintoff żied li Delia kellu jassigura li l-ħaddiema li jmorru jipprovdulu xi servizz fid-dar ikollhom ambjent sikur fejn jaħdmu u minflok ma assuma li l-kelb se joqgħod kwiet messu żammu maqful u mhux jiġġerra mal-ġnien.
Kien għalhekk li waqt li żamm lil Delia responsabbli tal-inċident huwa ordna li jagħti kumpens lil Mizzi.
Meta ġie biex jaħdem dan l-ammont l-Imħallef Mintoff qies li mill-eżamijiet tat-tobba jirriżulta li sofra diżabilita ta’ 12% u li kellu 21 sena meta seħħ il-każ u għalhekk ordna lil Delia jagħti lil Mizzi €16,000.