Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet Soċjali ser ikun wettaq u implimenta 27 miżura soċjali, fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, b’investiment ta’ €165 miljun f’individwi u familji. Dawn il-benefiċċji jinkludu żidiet fiċ-children’s allowance, l-għajnuna supplimentari, il-benefiċċju addizzjonali tal-COLA, pensjonijiet tal-irtirar, tal-invalidità, tar-romol, tad-diżabilità, fost oħrajn.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet, meta kien qed jagħti dettalji dwar kemm investa l-Gvern sa issa f’benefiċċji soċjali.
“Din hija politika mifruxa li qed tasal għand kulħadd, dan grazzi għax għandna ekonomija b’saħħitha li tkompli tiflaħ tmantni u tgħin familji, tfal, ħaddiema u anzjani f’pajjiżna,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr li għaddej ix-xogħol biex jiġu riveduti pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol, wara li bdew jitħallsu l-pensjonijiet bir-rati l-ġodda. Fl-istess ħin għaddej ix-xogħol ukoll fuq żewġ miżuri oħra — dik tal-€200 tal-pensjonanti tas-servizz u oħra ġdida għall-pensjonanti miżżewġin fuq il-pensjoni minima. Fil-fatt huwa antiċipat li sa Mejju jkunu tlestew il-proċessi kollha.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali George Cremona tkellem dwar kif il-minimu ta’ 10 snin kontribuzzjonijiet issa japplika għal kullħadd l-istess, irrispettivament minn meta persuna twieldet, u f’każ li jkun meħtieġ, jiġu kkunsidrati wkoll kontribuzzjonijiet imħallsa qabel l-età ta’ 18-il sena.
Intant, kienu bosta miżuri oħra li diġà ġew implimentati matul ix-xahar ta’ Jannar, u dawn jinkludu ż-żieda ta’ €500 fil-bonus għat-twelid u adozzjoni, il-ħlas ta’ Assistenza Soċjali sħiħa lil ġenituri mhux miżżewġa li jgħixu mal-ġenituri, titjib fil-Benefiċċju tal-Qgħad u mediċini b’xejn għall-benefiċjarji tal-Għajnuna Supplimentari, fost oħrajn.

