Ħaddiem li weġġa’ f’inċident fit-Tarzna ta’ Palumbo u sofra diżabilità permanenti ta’ 47% ingħata kumpens ta’ €169,000 wara li l-Qorti żammet lill-kumpanija li kien jaħdem magħha responsabbli tal-inċident.
Emmanuel Catania ta’ 55 sena fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Palumbo Malta Shipyard Limited b’rabta mal-inċident li seħħ fil-11 ta’ Diċembru 2012.
Fil-Qorti ħareġ li Catania kien impjegat bħala foreman mal-kumpanija li magħha kien ilu jaħdem sa minn Ġunju 2010. Preċedentement huwa kien impjegat mal-Malta Shipyards Ltd fejn kien ilu hemm sa mill-10 ta‘ Novembru 2003 u qabel dan huwa kien jaħdem mal-Malta Shipbuilding sa mill-4 ta‘ Marzu 1985 l-ewwel bħala apprentist u wara bħala mpjegat.
Huwa tefa’ l-ħtija ta‘ dan l-inċident fuq it-traskuraġni, imprudenza u nuqqas ta‘ ħarsien tas-sigurtà fuq il-kumpanija u talab għall-ħlas tad-danni.
Min-naħa tagħha, il-kumpanija ċaħdet l-allegazzjonijiet u argumentat li hija ma taħtix għall-inċident inkwistjoni li allegat li seħħ tort tan-nuqqas t’attenzjoni, nuqqas ta’ diliġenza mir-raġel.
Fil-Qorti rriżulta li dakinhar tal-inċident, huwa kien fuq il-lant tax-xogħol għal madwar tliet sigħat. Huwa kien daħal xogħol għas-7.00 a.m. u l-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.00 a.m.
Parti mix-xogħol tiegħu kien li jassikura li l-għodda meħtieġa mill-ħaddiema jkunu jiffunzjonaw tajjeb. Inzerta li dakinhar huwa nnota li grinder partikolari ma kienx qed jaħdem u allura ddeċieda li jieħdu fil-workshop mal-kumpanija għat-tiswija. Għal dan il-għan huwa għabbieh fuq forklifter li kien hemm fil-post.
Waqt li kien fi triqtu lejn il-workshop isuq il-forklifter huwa beda tiela’ t-telgħa. Ġara iżda li f’mument minnhom dan il-forklifter bl-attur fih beda nieżel b’lura sakemm ħabat ma’ crash barrier u waqa’ għoli ta’ madwar 13-il metru għal ġol-baċir.
Diversi ħaddiema li semgħu l-ħoss qawwi tal-waqgħa tal-forklifter għal ġol-baċir taw l-ewwel għajnuna sakemm waslet l-ambulanza li ħaditu l-Isptar fejn spiċċa fl-ITU u kien fil-periklu tal-mewt.
Fil-ħin tal-inċident, huwa kien waħdu u għalhekk ma kienx hemm xhieda oħra li raw dak li seħħ ħlief għal ħaddiem wieħed li kien jaħdem madwar 200 metru bogħod minn fejn seħħ l-inċident.
Konsulent ortopediku mqabbad mill-Qorti li eżamina lir-raġel ħames snin u nofs wara l-inċident elenka numru ta’ problemi li r-raġel kien għadu qed jesperjenza.
Fost dawn hemm uġigħ kontinwu fiiż-żewġ naħat tal-groin, jista’ jimxi biss distanzi qosra f’art lixxa u t-taraġ jitilgħu biss bilmod waħda waħda, ma jistax ipoġġi bilqiegħda tajjeb u ma jistax jinħasel waħdu fost oħrajn.
Huwa kkonkluda li Emanuel Catania għandu diżabilità fiżika permanenti stmata ta’ 47% b’riżultat tal-inċident ta’ Diċembru 2012, li tappartjeni biss lill-problemi ortopediċi.
Jirriżulta wkoll li kawża tal-inċident u l-konsegwenzi ta’ saħħa li baqa’ jbati minnhom ir-raġel, huwa qatt ma kien f’qagħda li jerġa’ jidħol lura għax-xogħol tant li huwa kien kostrett jirriżenja mill-impjieg tiegħu.
IIl-Qorti osservat li mir-relazzjoni tal-espert tekniku Mario Buttigieg fl-inkjesta maġisterjali li saret dwar l-inċident, saru diversi konklużijiet u fil-fehma tagħha jiżvelaw nuqqasijiet varji min-naħa tal-kumpanija li tipprovdi post u ambjent tax-xogħol sigur.
Mill-ispezzjoni li għamel l-espert tekniku fuq il-forklifter irriżulta li dan kellu diversi gauges li ma kinux jaħdmu. Wara li ġie spezzjonat il-forklifter instab ukoll li dan beda miexi lura peress li l-lifter spiċċa bla diesel u allura l-operatur ma kellux kontroll fuq l-imsemmi makkinarju.
L-operaturi li jaħdmu fuq il-forklifter ma għandhom ebda tip ta’ taħriġ professjonali. Huwa tgħallem mhux għax għandi xi tip ta’ taħriġ speċifikat iżda bis-saħħa tal-esperjenza li kellu mas-Shipbuilding.
Il-Qorti qalet li dan kollu jitfa’ dell serju fuq spallejn il-kumpanija safejn jirrigwardja l-obbligu tagħha li tassigura ambjent sigur għall-ħaddiema tagħha, liema nuqqas kellu impatt dirett fuq l-inċident tal-11 ta’ Diċembru 2012.
Wara li qieset kollox, il-Qorti ddikjara li l-kumpanija kienet responsabbli għall-imsemmi inċident u ordnatilha tħallsu s-somma ta’ €169,163 f’danni.