Friday, January 9, 2026

€1,800 multa wara li twaqqaf waqt spezzjoni tat-traffiku għax kellu riħa ta’ xorb

Aqra wkoll

Floyd Caruana ta’ 28 sena ġie mmultat €1,800 wara li nstab ħati li saqt taħt l-influwenza tal-alkoħol. Hu ma nstbax ħati li kien fis-sakra f’post pubbliku. 

Il-prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li l-każ seħħ fl-2024 fi Triq Għar Dalam, Ħal Għaxaq. L-imputat kien akkużat li saq vettura taħt l-influwenza tal-alkoħol u għalhekk ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u anke ma kellux kontroll sħiħ tal-karozza. Fil-Qorti ntqal ukoll li hu ma riedx jagħmel it-test tan-nifs.

Fil-qorti ġie spjegat li l-Pulizija kienu qegħdin jagħmlu spezzjoni tat-traffiku u nnutaw l-karozza tal-imputat. Meta twaqqaf hu kellu riħa ta’ xorb u kien għalhekk li ntalab biex jagħmel it-test tan-nifs, iżda hu ma aċċettax.

Min-naħa tagħha d-difiża qalet li l-imputat ħadd ma qallu li jekk ma jagħmilx it-test tan-nifs kien se jkun qiegħed iwettaq reat. 

Iżda l-Maġistrat Grech fis-sentenza tiegħu qal li mix-xhieda tal-Pulizija jidher li l-imputat kien konxju tad-drittijiet tiegħu u anke ngħata ċ-ċans kollu biex jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu.

Iżda ġie nnutat ukoll li waqt li ngħata d-dritt li jikkonsulta ma’ avukat, kif fil-fatt għamel, ma jistax jingħad l-istess għat-test tan-nifs, għax il-pulizija qal li sempliċiment informah bil-proċess.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Grech qal li l-uffiċjali tal-Puliziija għandhom ikunu ċari mal-persuna meta wieħed jirrifjuta li jagħmel it-test tan-nifs. Minħabba li ma ngħatax id-drittijiet tiegħu dwar it-test tan-nifs, il-Qorti, illiberatu mill-akkuża li naqas milli jagħmel it-test tan-nifs. 

L-imputat ma sabitux ħati lanqas li kien fis-sakra għax mix-xhieda li semgħet, il-Qorti qalet li ma jirriżultax li kien fi stat akut ta’ sokor.

Il-Maġistrat Jean Paul Grech innotat li mill-provi mressqa jidher li meta l-akkużat twaqqaf huwa kellu riħa ta’ xorb u għalhekk kien taħt l-effett tax-xorb u ma kellux kontroll sħiħ tal-karozza.

Għaldaqstant waqt li ma sabitux ħati li kien fis-sakra f’post pubbliku u li rrifjuta li jagħmel it-test tan-nifs, instab ħati li saq taħt l-effett al-alkoħol u ma kellux kontroll sħiħ tal-karozza. 

Il-Qorti mmultatu €1,800 u skwalifikatlu l-liċenzja għal sitt xhur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport