Ħaddiem tax-xatt li sitt snin ilu waqa’ minn għoli ta’ sular waqt li kien qed jaħdem fil-Freeport se jingħata €182,634 bħala kumpens għall-ġrieħi li sofra.
Roderick Gauci fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċvili kontra l-Malta Freeport Terminals Limited, Carmelo Caruana Company Limited f’isimha u bħala aġent tal-kumpanija CMA CGM u l-kumpanija Alize 1957.
L-inċident kien seħħ fil-15 ta’ April 2014 abbord il-bastiment CMA CGM Triton waqt li kienu qed jinħattu l-kontejners.
Fil-ħin tal-inċident Gauci kien qed jipprova jaqla’ waħda mill-ħadidiet ta’ kontejner meta waqa’ lura u baqa’ nieżel għal isfel fejn sofra ksur f’idejh u ġrieħi f’għajnejh.
Il-kumpaniji involuti argumentaw li huma ma kienux jaħtu għall-inċident u li dan seħħ tort tal-istess Gauci għax kien traskurat.
L-Imħallef Lawrence Mintoff għadd kbir ta’ xhieda fosthom rappreżentanti tal-istess kumpaniji u ħaddiema li dak il-ħin kienu fuq il-lant tax-xogħol.
Huwa qies ukoll li mir-rapport li sar minn rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurta tal-ħaddiema tax-xatt irriżulta li l-imsemmi bastiment kellu diversi nuqqasijiet u l-inċident seta kien evitat li kieku l-‘wire rope’ li nqala’ reġa’ twaħħal f’postu.
Mil-‘logs’ tal-bastiment irriżulta wkoll li l-aħħar darba li l-‘hand rails’ tal-‘lashing bridge’ ġew iċċekkjati kien xahar qabel l-inċident.
“L-attur (Gauci) waqa’ għal isfel għaliex il-‘wire’ li suppost kellu jservi ta’ protezzjoni u ta’ lqugħ għall-ħaddiema li jkunu qegħdin jaħdmu fuq il-‘lashing bridge’ illaxka jew inqala’ minn postu”.
L-Imħallef Mintoff semma li mill-provi irriżulta wkoll li kien hemm nuqqasijiet kbar fit-tmexxija tal-bastiment l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ manutenzjoni f’waqtha tal-‘wire rope’ li llaxka jew inqata’.
Huwa ikkonkluda li l-erba’ kumpaniji naqsu li jħarsu d-diversi obblig imposti fuqhom mil-liġi u għalhekk żammhom responsabbli tal-inċident.
Meta ġie biex jaħdem l-kumpens l-Imħallef Mintoff qies li Gauci kellu 41 sena u li sofra diżabilita permanenti ta’ 7% kawża tal-ġrieħi f’idu u ta’ 10% mil-lat ta’ ġrieħi f’għajnejh biex wasal għall-ammont imsemmi.