Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi nedew proġett li permezz tiegħu tliet kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ se jiġu rrestawrati u mibnija mill-ġdid mal-għelieqi li jagħtu fuq il-Wied tar-Ramla. Il-proġett se jkun qiegħed isir mill-Ministeru għal Għawdex permezz tad-Direttorat EkoGħawdex u huwa kofinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Huma ħabbru li dan il-proġett qiegħed jiġi ffinanzjat minn fondi Ewropej li jlaħħqu s-somma ta’ ftit iktar minn €2,200,000.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li r-Ramla l-Ħamra hu post magħruf kemm man-nies tal-lokal kif ukoll mal-Maltin u t-turisti, u wieħed jeħtieġ li jieħu ħsieb ukoll il-pajsaġġ agrikolu. Għalhekk, kompla jgħid il-Ministru Camilleri, il-ħitan tas-sejjieħ li maż-żmien iġġarrfu, u li qegħdin fi stat ħażin se jerġgħu jinbnew mill-ġdid. Il-Ministru Camilleri spjega li, “meta jitlesta b’kollox se jkun inbena u tranġa 8,900 metru kubu ta’ ħitan tas-sejjieħ, filwaqt li stqarr li x-xogħlijiet li se jsiru fiż-żona tal-Wied tar-Ramla se jestendu minn Triq ir-Ramla, Triq ta’ Xurdin, Triq ta’ Għajn Ħosna, Triq l-Inżul tal-Franciżi, Triq ir-Ramla il-Ħamra sa Daħla ta’ Għajn Damma.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett iffinanzjat b’fondi Ewropej se jkun qed jippreserva il-wirt nazzjonali f’Għawdex permezz ta’ restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ kif ukoll ta’ taraġ Ruman. Huwa kompla jgħid li l-ħitan tas-sejjieħ, apparti li jsebbaħ l-ambjent Għawdxi, għandu funzjoni li jippreserva l-ħamrija u b’hekk se jkun ta’ benefiċċju għall-bdiewa tal-madwar. Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li permezz ta’ dan il-proġett qed nirrispettaw l-ekoloġija tal-gżira Għawdxija, filwaqt li qed nħarsu aktar l-wirt storiku ambjentali li din il-gżira mżewqa bih.
Parti minn dan il-proġett tikkonsisti wkoll f’250 metru ta’ taraġ ruman fejn il-wied tar-Ramla, fil-limiti tax-Xagħra fejn se jsiru xogħlijiet ta’ restawr u tindif.