Sunday, November 16, 2025

€2,000 multa wara li offenda lill-Pulizija f’jum l-Elezzjoni Ġenerali

Aqra wkoll

Wayne Debono ta’ 32 sena, residenti l-Mosta ġie mmultat għal €2,000 kif ukoll iħallas l-ispejjeż tal-proċeduri tal-Qorti wara li nstab ħati li kiser l-ordni pubblika , ma obdiex struzzjonijiet ċari tal-pulizija, u wera disprezz lejn uffiċjali waqt li kienu qegħdin jagħmlu dmirhom f’jum delikat bħall-elezzjoni ġenerali.

Il-każ seħħ fis-26 ta’ Marzu tal-2022 meta filgħaxija fil-jum tal-votazzjoni qrib l-iskola Marija Regina. Minħabba li fl-iskola kienet qiegħda ssir il-votazzjoni kien hemm uffiċjal tal-Pulizija jżomm kontroll fuq il-perimetru ta’ 50 metru. Il-kuntistabbli Joseph Luke Gauci kien qiegħed jaħdem hemmhekk meta waslet karozza Mercedes Benz.

Ix-xufier qal lill-kuntistabbli li kellu passiġġier li kien għadu kemm ġie operat u ried iniżlu qrib il-bieb. Gauci spjegalu li seta’ jidħol biss biex iniżlu u mbagħad jerġa’ jmur barra mill-limitu. Dan il-permess ingħata, iżda x-xufier baqa’ hemm fejn ma kellux.

Meta imbagħad il-Pulizija reġa’ mar ikellmu biex ineħħi l-karozza, Debono beda jargumenta miegħu. Kien hawn li Debono telaq minn fuq il-post b’veloċità, iżda wara ftit reġa’ mar jistenna fil-post fejn ma setax jieqaf.

Il-kuntistabbli Gauci reġa’ mill-ġdid mar ikellmu u spjegali r-regola li ma setax jieqaf hemm, iżda Debono kompla jargument fejn anke beda jgħid lill-Pulizija “kiesaħ”

F’dak il-mument wasal ukoll ħabib ta’ Debono, Owen Cassar. Debono niżel mill-karozza, għolla leħnu, u beda joffendi lill-kuntistabbli b’kliem bħal “purċinell u kiesaħ”, u anke stieden lill-pulizija għall-ġlied.

Minħabba l-għajjat li beda jinstema’ barra, uffiċjali oħra tal-pulizija li kienu ġewwa l-post tal-votazzjoni – fosthom is-Surġent Christian Xuereb u l-kuntistabbli Aldo Cauchi u Francesca Zahra – ħarġu biex jaraw x’inhu jiġri. Huma sabu lil Debono għaddej jagħmel pressjoni fuq Gauci u joffendi lilhom ukoll, jgħidilhom li “l-uniformi ma kienet tiswa’ xejn għalih”.

Wara ftit tentattivi biex jikkalmuh, is-sitwazzjoni eventwalment ġiet ikkontrollata u kulħadd reġa’ lura għax-xogħol. 

Fix-xhieda tiegħu Debono qal li fil-fehma tiegħu kien għaddej argument bla sens u li hu ma kienx sejjaħ lill-pulizija “purċinell”, għalkemm ma ċaħadx li argumenta u li għolla leħnu. Min-naħa tiegħu Owen Cassar qal li sema’ lill-pulizija jgħajjat ukoll, iżda ma semax offiżi minn naħa ta’ Debono.

Il-Qorti osservat li l-verżjoni ta’ Gauci baqgħet effettivament mhux ikkontestata, għaliex id-difiża ma għamlitx kontro-eżami fuqu, filwaqt li x-xhieda l-oħra tal-pulizija kkonfermaw l-imġiba aggressiva ta’ Debono.

Il-Qorti fakkret ukoll li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli u għandhom jiġu protetti fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom. L-imġiba ta’ Debono kienet forma ċara ta’ disprezz u ta’ tentattiv biex ixekkel uffiċjal pubbliku waqt li kien qed jagħmel xogħlu.

“Il-messaġġ kien sempliċi: f’sitwazzjonijiet ta’ ordni pubbliku, speċjalment f’jum tal-votazzjoni, il-liġi titlob rispett assolut lejn l-istruzzjonijiet tal-pulizija, u min jiskredita dawn l-ordnijiet ma jistax jistenna li jgħaddi bla konsegwenzi,” qalet il-Qorti fis-sentenza tagħha

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Godwin Scerri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport