Friday, December 20, 2024

€20,000 għal proġett biex jinqabad ‘crayfish’ fi tliet widien

Aqra wkoll

Speċi aljena ta’ ‘crayfish’ li invadiet partijiet minn tliet widien se tinqabad biex wara li jsir studju fuqha ħalli jiġi stabbilit jekk hux tagħmel ħsara lill-ambjent lokali tingħata bħala għalf lil numru ta’ rettili.

Dan sar magħruf waqt żjara li l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia għamlu f’Wied il-Baħrija fir-Rabat.

Flimkien ma’ Wied Għajn Żejtuna fil-Mellieħa u Wied l-Isperanza fil-Mosta f’dan il-wied hemm speċi aljena ta’ ‘crayfish’ li mhux biss qed tikkawża ħsara kbira lill-ekosistema tal-widien imma qed tipperikola l-ispeċi indiġeni tal-ilma ħelu fosthom il-qabru.

Il-proġett b’investiment ta’ €20,000 minn Parks Malta u b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jaħseb għall-installazzjoni ta’ numru ta’ nases sabiex jinqabad dan il-‘crayfish’ u jsir studju dwar l-impatt tiegħu.

Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet li bħala ministeru għandha d-dover li tipproteġi l-ekosistemi fil-widien biex kemm jista’ jkun dawn jinżammu fl-istat naturali tagħhom u b’hekk jitgawdew kemm min-nies tal-lokal kif ukoll mit-turisti.

Il-Ministru Farrugia ukoll saħaq li biex inħarsu l-ispeċi endemiċi u dawk protetti li nsibu fil-pajsaġġ Malti hemm bżonn li jitneħħew dawk l-ispeċi aljeni invażivi li ħafna drabi jkunu ta’ theddida ħalli b’hekk tiġi protetta l-ekosistema kif ukoll il-flora u l-fawna ta’ pajjiżna.

Il-Professur Alan Deidun spjega kif l-awwista tal-ilma ħelu (red swamp crayfish) hija speċi aljena invażiva li ġejja minn artijiet ’il bogħod fosthom mix-Xlokk tal-Istati Uniti u ġiet introdotta f’numru ta’ widien f’Malta u Għawdex b’konsegwenza ta’ ħsara kbira lill-fawna lokali u indiġena. 

Huwa spjega li din l-ispeċi m’għandhiex għedewwa naturali u tiekol il-bajd u ż-żgħar ta’ ħafna speċi indiġeni tal-ilma ħelu bħal qabru u ż-żrinġ waqt li semma kif hemm bżonn aktar riċerka fuq din l-ispeċi biex nifhmu aħjar x’inhu l-impatt ekoloġiku tagħha.

L-ufficjal inkarigat mill-immaniġġjar tal-widien Alexander Borg Galea spjega li bl-għajnuna tal-Earth Systems Association (ESA) dan il-monitoraġġ se jkun qiegħed jinforma lilhom u lill-ERA dwar kemm hija effettiva l-metodoloġija użata għall-kontroll tal-‘crayfish’.

Arnold Sciberras, konsulent xjentifiku, irrimarka kif in-nases li qed jitpoġġew f’dawn il-widien huma kollha minn studji-piloti li ġew minn riċerka barra minn pajjiżna iżda li ġew addattati għall-ambjent Malti waqt li spjega kif it-tip ta’ nassa u lixka li se tintuża hija maħsuba biex kemm jista’ jkun jinqabad il-‘crayfish’ biss u mhux xi speċi indiġena.

Ekonomija

Sport