Saturday, November 23, 2024

€20,572 għal xufier tal-karozzi tal-linja li tkeċċa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Xufier tat-trasport pubbliku li tkeċċa mill-impjieg talli ma xegħelx id-‘destination sign’ rebaħ kumpens ta’ €20,572 wara li mħallef ikkonkluda li kienet inġusta.

Philip D’Anastasi fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla Ċivili kontra l-Malta Public Transport Services (Operations) Limited b’rabta mal-inċident li kien seħħ fit-3 ta’ Frar 2016.

D’Anastasi, li għamel ħames snin jaħdem bħala xufier tal-karozzi tal-linja, ilmenta li n-nuqqas tiegħu li ma jixgħelx id-‘destination sign’ ma kellux iwassal għat-tkeċċija tiegħu

Min-naħa tagħha l-kumpanija qalet li n-nuqqas tiegħu wassal biex numru ta’ passiġġieri tħallew l-art b’detriment “kummerċjali u reputazzjonali” għaliha.

Quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff ir-raġel ammetta li qabeż biċċa mir-rotta għax dera jsuq lejn il-Marsa Park and Ride mill-Isptar Mater Dei u sostna li qabeż biċċa mit-triq għax ma setax ireġġa u jmur lura.

Il-kumpanija sostniet li huwa kellu diversi inċidenti u akkużatu li tefa d-‘destination sign’ u qata parti mir-rotta għax kien l-aħħar vjaġġ tiegħu u ried jeħles.

Wara li sema liż-żewġ naħat, l-Imħallef Mintoff irrimarka li D’Anastasi kellu żewġ inċidenti biss f’ħames snin u meta tqsi li dan ix-xogħol huwa fost l-iktar stressanti u perikolużi fil-pajjiż ma kienx xi numru straordinarju.

Huwa semma kif matul is-snin D’Anastasi ħadem f’ċirkostanzi diffiċli imma dejjem kien leali fix-xogħol tiegħu u ma kien jimmerita li jitkeċċa.

Kien għalhekk li waqt li ikkonkluda li t-tkeċċija tiegħu kienet waħda inġusta, l-Imħallef Mintoff ordna lill-kumpanija tagħti lil D’Anastasi l-imsemmi kumpens.

Sport