Sunday, November 24, 2024

€2,500 multa talli żamm klieb f’gaġeġ żgħar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għawdxi ta’ 39 sena miż-Żebbuġ kien immultat €2,500 wara li żamm il-klieb tiegħu f’gaġeġ żgħar.

Noel Attard kien mixli li f’garaxx fl-istess lokalità ġiegħel annimali jsofru, naqas li jieħu ħsiebhom, żamm il-klieb mingħajr liċenzja u li ħallihom fi spazju limitat.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud irriżulta li fl-4 ta’ April 2019 sar rapport li f’garaxx kienu qed jinżammu klieb imsakkrin għal ħin twil.

L-għada saret spezzjoni minn uffiċjal tal-Animal Welfare u veterinarju li sabu l-bieb tal-garaxx imbexxaq u żewġt iklieb ġo gaġeġ li kienu jidhru żgħar.

Meta Attard kien ikkuntattjat huwa ċaħad li l-gaġeġ kienu żgħar u ma riedx ikabbarhom kif qalulu l-uffiċjal. Fil-fatt meta reġgħu marru l-gaġeġ kienu għadhom tal-istess daqs.

Kien għalhekk li minbarra li l-klieb itteħdulu Attard spiċċa tressaq fil-Qorti fejn instab ħati tal-akkużi kollha kontrih ħlief li ġiegħel annimal isofri.

Dan wassal lill-Maġistrat Mifsud biex jikkundannah l-imsemmija multa b’rabta ma’ dan il-każ li kien investigat mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.

Sport