Friday, March 13, 2026

€26.6 miljun f’benefiċċji soċjali lil 61,750 familja fi tmiem il-ġimgħa

Aqra wkoll

Familji bit-tfal u benefiċjarji tal-għajnuna supplimentari fi tmiem il-ġimgħa ser jirċievu pagamenti li b’kollox ilaħħqu madwar €26.6 miljun li jkopri t-tieni kwart ta’ din is-sena. Sa issa fuq l-ewwel żewġ pagamenti tas-sena, b’kollox dawn il-familji rċevew €53 miljun u huwa stmat li sal-aħħar tas-sena se jkunu rċevew kważi €110 miljun.

L-akbar investiment f’dan it-tieni kwart ser ikun ta’ €19.5 miljun f’pagamenti taċ-Children’s Allowance u tas-suppliment addizzjonali li ser imorru għand kważi 42,000 familja bi kważi 62,600 tifel u tifla.

Dan huwa t-tieni pagament li qed isir skont parametri ġodda li tfasslu fil-Budget li għadda biex jiġu stabbiliti r-rati tal-allowance li jitħallsu familji li d-dħul disponibbli tagħhom huwa wieħed relattivament baxx jew medju.

Biċ-ċaqliq li sar, żdiedu r-rati li jitħallsu dawn il-familji għal kull wild taħt is-16-il sena, bl-ogħla rata tal-allowance tiżdied b’€167 għal €1,420 fis-sena. Barra minn hekk, qed jirċievu suppliment li din is-sena tela’ b’€250 għal €910, li b’kollox allura jfisser €2,330 għal kull wild. 

Familja b’żewġt itfal li tkun intitolata għall-ogħla rata, b’kollox din is-sena ser titħallas €4,660.  Ir-rati jvarjaw skont id-dħul tal-familji, bl-anqas ammont li familja tista’ tirċievi jkun kważi €1,100 fis-sena għal kull wild.

Aktar minn 2,100 familja oħra b’2,700 wild li jsofru minn diżabilità fiżika jew intellettwali separatament qed jirċievu l-pagament tal-Allowance għal Tfal b’Diżabilità li wkoll ikopri t-tieni kwart tas-sena. B’kollox, il-pagamenti jaqbżu l-€1.3 miljun.

Ħlasijiet oħra ser imorru għand familji li jiffosterjaw tfal f’etajiet sa’ 21 sena. Għal kull tifel jew tifla fil-kustodja tagħhom din is-sena qed jitħallsu €6,760, żieda ta’ €520 fuq is-sena l-oħra. Għaldaqstant, din il-ġimgħa qed jirċievu pagament ta’ 3 xhur ta’ €1,690.

Intant, kważi 19,600 familja, koppji jew persuni singoli oħra ser jitħallsu bejniethom kważi €5.4 miljun f’pagamenti mtejba tal-Allowance Supplimentari biex ikunu f’qagħda biex ilaħħqu aktar mal-ħajja. Minnhom, madwar 70 fil-mija huma persuni singoli, romol u persuni separati jew divorzjati li għandhom dħul baxx.  

Ir-rata massima li jitħallsu l-koppji din is-sena żdiedet għal €27.30 fil-ġimgħa, filwaqt li dik ta’ persuni singoli laħqet l-€14.40 fil-ġimgħa. Ir-rati jvarjaw ukoll skont id-dħul.

L-għadd ta’ benefiċjarji minn Diċembru ’l hawn kiber b’500 bis-saħħa tat-twessigħ tal-limiti tad-dħul li sar bil-għan li aktar koppji u persuni singoli jibbenefikaw mill-benefiċċju. Il-limitu tad-dħul nett għall-koppji tela’ b’€2,000 għal €20,000, filwaqt li dak ta’ persuni singoli żdied b’€1,500 għal €14,000.

Benefiċjarji fl-età ta’ 65 sena u aktar minn din is-sena qed igawdu wkoll minn żieda ta’ €100 fl-għotja annwali li titħallas separatament mal-allowance. L-għotja li issa tlaħħaq €250 qed tingħata liż-żewġ konjugi minflok għal wieħed jew waħda minnhom kif kien isir qabel.

Barra minn hekk, mill-bidu tas-sena, dawk il-benefiċjarji saru awtomatikament eliġibbli għal mediċini bla ħlas, mingħajr il-ħtieġa li jissodisfaw it-test tal-mezzi.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tenna li, fi żmien ta’ inċertezza globali madwar id-dinja, il-Gvern Malti jibqa’ joffri l-istabbiltà u s-serħan tal-moħħ. Waqt li diversi familji madwar l-Ewropa u lil hinn minnha qed ikollhom jiffaċċjaw konsegwenzi devastanti tas-sitwazzjoni ġeopolitika barranija, f’Malta l-familji jkomplu jirċievu sostenn qawwi dirett u indirett mill-Gvern.

Il-Ministru Falzon temm jgħid li dan jixhed l-impenn soċjali bla preċedent ta’ dan il-gvern li għalih Malta tiġi l-ewwel u n-nies jiġu l-ewwel.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport