Fil-maratona ġbir ta’ Fondi b’risq Puttinu Cares li ttellgħet ilbieraħ il-poplu Malti u Għawdxi ma naqasx milli jfakkar dwar il-qalb tajba u l-valuri sbieħ li jħaddan. Dan hekk kif fi ftit sigħat, minkejja kull sfida, bil-ftit u l-ħafna ta’ dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom, inġabret is-somma sabiħa ta’ €3,133,430.
Waqt ix-xandira fuq diversi stazzjonijiet lokali lbieraħ spikka l-messaġġ li Dr Calvagna kien għadda f’edizzjoni mill-passat ta’ waħda mill-maratoni fejn kien esprima x-xewqa li qabel jirtira, Puttinu Cares ikollha abitazzjoni fiċ-ċentru ta’ Londra.
Infatti Puttinu Cares tinsab fl-aħħar fażijiet biex tixtri blokka ta’ 21 appartament mingħajr ċens li se jiffaċilitaw l-ħajja ta’ ħafna familji li jiġu bżonn Puttinu fl-aktar żminijiet diffiċli. Dan ifisser li din il-binja se tkun qiegħda tgħin lil dawn it-tfal u lill-familji kollha tagħhom għal dejjem għax se tinxtara minn Puttinu b’mod permanenti.
Puttinu Cares bdiet il-ħidma f’Ottubru 2002 bl-iskop li tnaqqas it-tbatija tat-tfal morda bil-kanċer. Matul is-snin, in-numru ta’ pazjenti li jsiefru għall-kura żdied ferm. Bħalissa, bejn 60 u 90 pazjent isiefru l-Ingilterra kull xahar, u għalhekk inħass il-bżonn ta’ aktar appartmenti, din id-darba fiċ-ċentru ta’ Londra.