Friday, June 6, 2025

€31,500 miġbura mill-Maltin u l-Għawdxin għall-Poplu Myanmar 

Aqra wkoll

F’perjodu ta’ tmien ġimgħat il‑poplu Malti u Għawdxi ġabar is‑somma ta’ €31,485 b’risq il‑persuni fil‑Myanmar li għaddejjin minn tbatija kbira minħabba t‑terremot qawwi li laqat lil dan il‑pajjiż f’Marzu li għadda. Din il‑kampanja ta’ ġbir ta’ fondi ġiet ikkoordinata minn Caritas Malta fuq talba tal‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex u ngħalqet fit‑22 ta’ Mejju 2025.

Id‑donazzjonijet ingħataw minn individwi, mill‑parroċċi f’Malta u Għawdex kif ukoll minn kumpaniji u entitajiet oħra privati.

Il‑flus miġbura ngħaddew lil Caritas Internationalis li se tieħu ħsieb toffri s‑sapport meħtieġ lill‑poplu tal‑Myanmar. Dan jinkludi affarijiet bażiċi bħal saqaf ta’ emerġenza, ikel, mediċini u bżonnijiet sanitarji.

Matul l‑aħħar 10 ġimgħat, it‑terremot, li seħħ fit‑28 ta’ Marzu, ħalla aktar minn 17‑il miljun persuna affettwata bi ’l fuq minn 5,000 ruħ li tilfu ħajjithom u madwar 6,000 oħra li sfaw midruba. Madwar 120,000 dar ġiet affettwata u daqs 48,000 ġġarrfu kompletament. Saru ħsarat kbar fi skejjel, sptarijiet, pontijiet u siti ta’ importanza. It‑terremot kellu saħħa ta’ 7.7 fuq l‑iskala Richter u laqat iċ‑ċentru tal‑Myanmar bl‑epiċentru f’Sagaing.

Il‑Knisja f’Malta, permezz ta’ Caritas Malta, hi impenjata tkompli bil‑ħidma tagħha u tirrispondi permezz tas‑soċjetà Maltija fejn ikun hemm sejħiet ta’ emerġenza. Fil‑fatt, din mhix l‑ewwel darba li Caritas Malta talbet l‑għajnuna tal‑poplu Malti u Għawdxi sabiex ikun ġeneruż ma’ popli oħra fil‑bżonn.

Mill‑2022 sa din is‑sena, il‑Knisja ġabret aktar minn €708,000 f’diversi sejħiet ta’ emerġenza. B’risposta għall‑gwerra fl‑Ukrajna fl‑2022, il‑Maltin u l‑Għawdxin taw €358,300 lill‑poplu Ukren biex jintefqu fuq bżonnijiet bażiċi tal‑ħajja. Sena wara, fl‑2023, meta t‑Turkija u s‑Sirja ntlaqtu minn terremot qawwi, inġabret is‑somma ta’ €285,650, waqt li f’dik is‑sena wkoll, għat‑terremot fil‑Marokk u l‑Libja nġabru €33,000 f’donazzjonijiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport