Waqt konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat is-sostenn finanzjarju ta’ €38 miljun mill-Gvern għar-restawr tal-proġett Ta’ Saura National Empowerment Hub, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva din l-għajnuna mill-Gvern bħala pass importanti sabiex dan il-proġett, li se jrawwem il-kreattività ta’ bosta tfal u żgħażagħ, jimmaterjalizza u jibda jaħdem.
Il-Prim Ministru spjega li dan huwa ftehim li l-Gvern qed iwettaq bl-appoġġ ta’ Komunità Malta, sabiex din il-binja storika tiġi restawrata u l-proġett jibda jopera b’mod sħiħ. Huwa saħaq li l-istess ftehim jixhed apprezzament lejn il-ħidma tal-Malta Trust Foundation filwaqt li jibgħat messaġġ ta’ solidarjetà u impenn biex tingħata spinta u mbuttatura lil inizjattivi bħal dawn. Filwaqt li żied jgħid li din is-sħubija ta’ ftehimiet bejn l-Istat u s-soċjetà ċivili huma l-benniena ta’ aktar ħolqien ta’ ġid fil-komunità.
Il-Prim Ministru Abela qal li permezz ta’ Dar Saura, pajjiżna se jkollu, taħt saqaf wieħed ċentru modern f’ambjent mill-isbaħ, li kapaċi jilqa’ elf persuna f’daqqa, jirċievu servizzi u mhux biss jieħdu xi ħaġa mis-soċjetà imma saħansitra jagħtu lura bil-kreattività u ħiliet li se jiżviluppaw. Huwa żied jgħid li lil dawn it-tfal u żgħażagħ li se jgawdu minn Dar Saura, u li huma dipendenti fuq oħrajn, irridu nagħtuhom l-indipendenza u d-dinjità li jixirqilhom.
Huwa rrefera wkoll għal diversi servizzi u inċentivi soċjali li qed joffri l-Istat, fosthom is-sostenn għal terapiji li jħallsu l-ġenituri biex jaraw uliedhom b’diżabilità jagħmlu pass ieħor ’il quddiem. “Inċentiv li bdejnih fil-forma ta’ tax credit, imbagħad qlibnih għal għotja għax fhimna li nkomplu nsaħħu l-għajnuna u din is-sena saħansitra żidnih u tellajnih għal elf ewro fis-sena”, nnota il-Prim Ministru Robert Abela meta ta ħarsa għall-ħidma tal-Gvern fil-qasam tad-diżabilità.
“Dan li qed inħabbru huwa mudell li diġà qed jintuża f’inizjattivi oħra ta’ impatt nazzjonali, bħall-proġetti ta’ Puttinu Cares fil-Mosta u f’Londra, kif ukoll fil-qasam tal-isport bl-istadium il-ġdid tal-Malta Premier fil-Marsa”, saħaq il-Prim Ministru. Dan filwaqt li qal li b’dan il-ftehim qed nuru li pajjiżna mhux biss għandu sisien sodi f’ekonomija li kapaċi tiddedika investiment li jidħol għandha għal skopijiet soċjali imma fuq kollox Malta tagħna għandha l-fibra morali u soċjali li tiddeċiedi li proġett soċjali bħal dan ħaqqu kull appoġġ mistħoqq.
Dr Abela wera wkoll l-apprezzament tiegħu lejn l-Arċidjoċesi Maltija, li kienet strumentali biex dan il-post jgħaddi għand il-Fondazzjoni sabiex ikun jista’ jitwettaq dan il-proġett, li se jgħin biex kull persuna tilħaq il-potenzjal tagħha.
L-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna, sostna, “Huwa pjaċir kbir tiegħi li nara din il-proprjetà tal-Knisja, Dar Saura, li l-użu tagħha ġie afdat b’rigal lil Malta Trust Foundation, tkompli tieħu l-ħajja bl-impenn konġunt tas-soċjetà ċivili u l-Istat. Din hija oasi oħra ta’ inklussività u fejqan li qed tagħti risposta għall-bżonnijiet attwali tal-poplu tagħna b’sinerġija pożittiva bejn il-Knisja, is-Soċjetà Ċivili u l-Istat.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol qal li meta naħdmu flimkien bħala Gvern u soċjetà ċivili joħroġ ħafna ġid. “Sħubija bħal din iġġib fuq il-mejda esperjenzi, valuri u ħiliet differenti. Bħala Ministru responsabbli wkoll miċ-ċittadinanza, illum assigurajt li bħala Gvern ser naraw li nassistu lill-Malta Trust Foundation tikseb ir-riżorsi meħtieġa biex il-proġett ikun suċċess. Dan proġett imfassal mill-bżonnijiet tan-nies u se jgawdu mijiet jekk mhux eluf ta’ tfal u familji. Bla dubju li minn proġett fuq il-karta ser narawh jieħu l-ħajja u jagħti ħajja ġdida lil dawk li jagħmlu użu minnu”, tenna l-Ministru Camilleri.
Il-fundatriċi u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dan il-ftehim mhuwiex biss dwar infrastruttura, iżda dwar tama, dinjità u futur aħjar għal mijiet ta’ tfal u familji f’pajjiżna. Hija żiedet tgħid li permezz ta’ Ta’ Saura, qed nibnu mhux biss spazju, iżda opportunitajiet reali li jagħmlu lil Malta pajjiż aktar inklussiv u ġust.
Dan il-proġett qed jitmexxa mill-Malta Trust Foundation, li matul is-snin żviluppat esperjenza fil-qasam tal-appoġġ soċjali u edukattiv. Il-fondazzjoni hija magħrufa għall-programmi tagħha li jużaw l-arti, il-mużika u metodi kreattivi oħra bħala għodda ta’ integrazzjoni, empowerment u espressjoni personali għal tfal u żgħażagħ li ħafna drabi jsibu ruħhom esklużi minn sistemi tradizzjonali.

